L-MMF imħassba ħafna bin-nuqqas ta’ progress u rispons mill-Gvern dwar it-trakka tal-Motorsport

Wednesday, February 27, 2019, 13:53

Ftit xhur ilu, il-Malta Motorsport Federation ippreżentat disinn lil awtoritajiet, ta’ dak li qed jiġi kkunsidrat bħala proposta fattibbli u vijabbli ħafna għall-iżvilupp tal-Faċilità tal-Road Safety u Motorsport. Dan il-kunċett ta’ disinn twettaq flimkien ma’ tim ta’ periti minn Periti Studio li ħadmu mal-uffiċjali tal-Federazzjoni, u wettqu l-pjanijiet u l-istudji meħtieġa skond diversi aspetti u limitazzjonijiet meħtieġa mill-pjanijiet lokali rilaxxati mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Din il-proposta, li ġiet murija lil klabbs tal-Motorsport, tinkorpora l-faċilitajiet kollha meħtieġa għall-korsa omologata internazzjonalment ta’ 3 kilometri li tkun konformi mal-viżjoni tal-Gvern tas-sostenibbiltà tal-ambjent kif mitlub f’diversi okkażjonijiet mill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat. Il-proposta tinkorpora wkoll faċilitajiet ta’ tagħlim tas-sewqan biex inżidu is-sikurezza fit-toroq, trakka ta’ 1.2km ghal-karting, u korsa ta’ 1km għall-użu ta’ atleti taċ-ċikliżmu, flimkien ma’ spazji miftuħa għat-tgawdija tal-familji li għandhom ikunu garantiti li jibqgħu kif inhu.

Madankollu, il-Federazzjoni hija mħassba ħafna bin-nuqqas ta progress u rispons mill-Gvern biex iwettaq il-wegħda elettorali.  Għalkemm uffiċjali tal-Gvern ġew ikkwotati fuq bosta siti tal-aħbarijiet li fil-bidu tal-2019, il-Gvern se jħabbar is-sit u l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-korsa tat-tiġrija, dan jidher li mhuwiex realistiku li jseħħ. Il-Federazzjoni tistenna li l-Gvern jaġixxi fuq id-diversi soluzzjonijiet flimkien mal-proposti ppreżentati mill-Federazzjoni u jimxi malajr għall-fażi li jmiss sabiex il-proġett ikun jista jitħabbar u jibda mingħajr aktar dewmien.

Il-Federazzjoni tfakkar lill-Gvern li l-atleti u l-entużjasti tal-Motorsport ilhom jistennew it-trakka mwiegħda għal bosta snin u jemmnu li dan huwa l-ħin it-tajjeb biex titwettaq din il-wegħda. Il-Federazzjoni tenfasizza li l-Motorsport ma tistax tirriskja li titlef iktar talenti minn sewwieqa żgħażagħ, li qed jitilqu minn dan l-isport minħabba n-nuqqas ta faċilitajiet. Ikun it-tort tagħna, jekk il-pajjiż mhux se jipprovdi l-faċilità meħtieġa biex jnċentiva liż-żgħażagħ tagħna biex jibqgħu attivi fl-isport u jsiru ċampjins Ewropej tal-futuri. Biex inkomplu ntejbu fis-suċċess tagħna għandna bżonn faċilitajiet fejn issir it-taħriġ xieraq.

Stqarrija maħruġa mill-Malta Motorsport Federation





Leave a comment