L-MFA tgħin bi flus ukoll lill-Floriana FC

Friday, September 9, 2011, 17:58

Il-Kumitat ta’ Floriana FC, fi stqarrija ħabbar li fi żmien qasir mistenni jkompli x-xogħol fl-infrastruttura sportiva ta’ Floriana FC, fis-sit tax-Xagħra fil-Floriana.

Wara jsir il-parking taħt it-taraġ jibda t-tqegħid tal-wiċċ sintetiku fil-ground

Il-klabb ta’ Floriana FC jirringrazzja lill-MFA tal-koperazzjoni tagħha f’dan il-proġett, tant li mingħajr l-għajnuna finanzjarja tal-Assoċċjazzjoni l-proġett ma kienx ikun possibli. Il-proġett jinkludi l-istallazzjoni ta’ pitch ġdid b’wiċċ sintetiku.

Il-klabb ilu għal dawn l-aħħar snin jaħdem biex iż-żona tax-Xagħra tingħata dehra ġdida. B’dan il-proġett, il-klabb jista’ jkun garantit faċilitajiet mill-aqwa, fejn jista’ jintlagħab logħob kompetittiv tul is-sena kollha, mingħajr il-problemi li pitch tal-ħaxix naturali kien joħloq. F’dawn l-aħħar xhur, il-Kumitat, kien għaddej ukoll b’numru ta’ xogħlijiet fix-Xagħra, fosthom fuq il-pedamenti biex fihom jitpoġġew l-arbli l-ġodda tad-dawl artifiċjali u kif ukoll inżebgħu l-arbli li jdawwru l-fence tal-ground. Sar ukoll xogħol ieħor, fosthom fencing ġdid. Issa jmiss li jibdew il-preparamenti biex il-wiċċ jinbidel f’wieħed sintetiku.

Il-Kumitat fl-aħħar xhur kellu numru ta’ diskussjonijijiet mal-awtoritajiet dwar xi proġetti li kienu msemmija għal din iż-żona. Sar magħruf li l-Gvern se jkun qed iwettaq proġett ta’ parkeġġ fuq il-parti mit-taraġ tax-Xagħra. Peress li din il-parti fix-xhur li ġejjin se tkun qiegħda titwaqqa, il-parir li l-klabb ingħata mill-esperti, hu li mhux f’waqtu li qabel ma jitlesta dan il-proġett, isir ix-xogħol fuq il-wiċċ sintetiku għal fatt li bix-xogħlijiet stess hemm possibbilta’ li ssir ħsara. Għalhekk il-Kumitat se jkun qed jibda l-proġett b’mod immedjat ladarba jkun lest il-proġett tat-taraġ.

Il-Kumitat ta’ Floriana FC jixtieq jirringrazzja lill-MFA ta’ din id-donazzjoni u tal-koperazzjoni kontinwa b’risq l-iżvillupp u s-sostennibbilta’ tal-klabbs lokali.





Leave a comment