- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

L-MFA taħtar erba’ kowċis ġodda fis-settur taż-żgħażagħ

Posted By Sportinmalta On July 11, 2018 @ 12:40 pm In Featured,Football,Youth Football | No Comments

Il-Malta Football Association tħabbar li għadha kemm ħatret erba’ kowċis ġodda fis-settur taż-żgħażagħ.

Winston Muscat ġie maħtur bħala kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena.

Muscat, li f’din il-kariga ħa post Wayne Attard, kiseb il-liċenzja UEFA Pro s-sena li għaddiet  wara li temm b’suċċess il-kors organizzat mill-MFA.

Sadanittant iċ-Ċentru Tekniku kiseb ukoll is-servizzi ta’ Paul Gatt li se jkun qed jaħdem fl-akkademja u fl-iżvilupp tat-tfal minn età żgħira.

Gatt, li għandu l-liċenzja UEFA B u fil-futur qarib se jibda l-kors UEFA A, kiseb ukoll esperjenza pożittiva barra l-pajjiż wara li fl-aħħar sentejn ħadem fis-settur taż-żgħażagħ tal-klabb Taljan Lazio.

Min-naħa l-oħra dan huwa ritorn fiċ-Ċentru Tekniku għall-kowċ Mark Marlow biex din id-darba jieħu rwol ġdid bħala assistent kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena u kowċ tat-tfal ta’ taħt il-15-il sena.

Marlow, li fost numru ta’ kwalifiki għandu wkoll il-liċenzja UEFA Pro u l-UEFA A Youth Elite, jirritorna fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA wara perjodu ta’ sitt snin fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Mosta FC.

Ħatra oħra fis-settur tal-coaching tal-MFA hija dik ta’ Gregory Degabriele bħala kowċ tal-fiżika biex jaħdem mill-viċin fl-akkademja mat-tfal minn etajiet żgħar.

Fil-passat, Degabriele kiseb esperjenza fuq livell ta’ klabbs fejn fl-aħħar snin ħadem fl-ogħla diviżjoni ma’ Ħamrun Spartans FC u Tarxien Rainbows FC. Minbarra li huwa kwalifikat bħala kowċ fuq il-fiżika, Degabriele għandu ukoll il-liċenzja tal-coaching UEFA B.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/l-mfa-tahtar-erba-kowcis-godda-fis-settur-taz-zghazagh/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.