L-MFA tagħlaq għajnejha t-tnejn dwar it-testijiet mediċi

Monday, February 28, 2011, 10:35

minn Sandro Micallef.

Dawn huma l-aħħar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali hekk kif tħħabbru waqt il-programm Kontrattakk, waqt ir-rokna X’Qed Jinħema tal-Ħadd 27 ta’  Frar, 2011

L-MFA tagħlaq għajnejha t-tnejn dwar it-testijiet mediċi

L-MFA informat lill-Clubs tal-Premier li r-regolamenti dwar it-testijiet mediċi se jkunu qegħdin ikunu posposti biex jibdew jiġu attivati mill-istaġun il-ġdid wara pressjoni kiefra li kellha l-MFA mill-istess Clubs.

Aħbar tajba intant għall-MFA hekk kif il-FIFA infurmat lill-membri assoċjati kollha tagħha li se tingħata s-somma ta’ tliet mitt elf dollaru amerikan (USD300,000) lil kull assoċjazzjoni wara li l-FIFA kellha riżultati finanzjarji tajbin bejn is-sena 2007 u l-2010.

Min-naħa l-oħra l-MFA ġiet immultata elf ewro (EUR1,000) talli s-supporters tas-South End Core kellhom f’idejhom u xegħlu l-isparklers qabel u waqt il-logħba kontra l-Latvja. Jidher li l-match inspector kiteb fir-rapport tiegġu li dawn is-sempliċi sparklers kienu logħob tan-nar. Naħseb li dan qatt ma kien ġie Malta qabel għall xi festa biex jara x’inhu l-vera logħob tan-nar !!!!. Bjorn Vassallo ideċieda li minkejja li hi deċiżjoni bla sens hu mhux se jappella f’isem l-FA Maltija.

Il-Clubs tal-Ewwel Diviżjoni nkwetati bil-gate money

Jidher li filwaqt li l-Clubs tal-Premier qegħdin kuntenti bil-gate money li qegħdin jingħataw mill-MFA mhux l-istess jista’ jingħad għall-Clubs tal-Ewwel Diviżjoni li ma jafux x’inhi s-sitwazzjoni finanzjarja u x’inhu sehemhom mill-gate money. Fi tmiem l-istaġun li għadda kull tim fl-Ewwel Diviżjoni kien mar minn taħt xejn inqas minn elfejn u ħames mitt ewro (EUR2,500) sabiex setgħu jinqatgħu l-ispejjeż tal-grounds, pulizija u staff tal-MFA fost l-oħrajn.

Jidher li l-Clubs tal-First qegħdin inkwetati li minkejja l-wegħdiet li se jingħataw il-gate money kollu, ser ikun hemm problemi fl-aħħar tal-istaġun minħabba l-fatt li ma hemmx attendenzi qawwija f’dan il-kampjonat. Dan l-argument qajmu Charles Scerri President ta’ Lija fil-Kunsill tal-MFA tal-Ħamis li għadda fejn qal li jittama li tal-inqas ma jerġax jiġri l-istess bħal staġun ieħor fejn il-Clubs kellhom joħorġu minn ġewwa. Bjorn Vassallo l-kap eżekuttiv tal-MFA qal li jinsab fiduċjuż li tal-inqas se jkun hemm bilanċ favut il-Clubs. Minn informazzjoni li għandna jidher li lMFA qed tnaqqas l-istaff tagħha jew aħjar l-“MFA Equipe” waqt il-logħbiet tal-First.

Philip Agius jingħata rikonoxximent

L-Assistant Referee Philip Agius ingħata rikonoxximent mill-MFA tas-servizz li hu ta hekk kif l-eta’ tiegħu waslitu għat-tmiem tas-servizz ta’ Assistent Referee fuq il-FIFA panel.

Agius wieħed mill-aħjar assisenti li qatt kellna fil-futbol Malti beda l-karriera tiegħu bħala Referee fl-1991, u fl-1996 kien laħaq First Class Referee. Hu ġie maħtur fuq il-FIFA panel bħala Assistent Referee fl-1997 fejn hemm għamel karriera twila u prestiġjuża ta’ 13–il sena. Fil-karriera tiegħu hu kien involut prattikament fl-aħjar logħbiet u fil-finali kollha tal-futbol Malti.

Philip Agius ikkontrolla xejn inqas minn ħames logħbiet fil-UEFA Champions League bħala Assistent Referee. Agius ġie onorat il-Ħamis li għadda mill-MFA permezz ta’ preżentazzjoni ta’ banner kommemorattiv waqt il-laqgħa tal-kunsill fost l-approvazzjoni u ċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

Riżenji mill-Kumitati

Ninsabu nfurmati li wara r- riżenja tas-Segretarju ta’ Marsaxlokk Peter Carabott, l-istess Club għadu ma’ identifikax persuna biex jidħol għal dan l-impenn floku.

Irriżenja wkoll Charles Callejja mill-Kumitat ta’ Gozo FC minħabba li dan il-Club se jiġi xolt l-istaġun li ġej. Riżenja oħra minn kumitat hi dik ta’ William Martin mill-Kumitat ta’ Melita FC fejn hawn ġie maħtur John Naudi bħala Viċi Presidnet floku.

Kellna xi ħatriet interessanti wkoll dan l-aħħar hekk kif Ottavio Suda ġie maħtur bħala Assistent Teżorier ta’ Valletta flok Sandro Ciliberti u Alfred Micallef l-ex FIFA Referee ġie maħtur Segretarju tal-Club ta’ Marsa FC. U fl-aħħar Damian Camilleri ġie co-opted fil-Kumitat ta’ Floriana

Floriana ordnati li jħallsu flus lill-ex players tagħhom

Il-Greens ġew ordnati mill-Players Coaches and Agents Complaints Board biex iħallsu s-somma ta’ EUR1,750 lill-ex player tagħhom Stefano Grima. Huma kellhom iħallsu lil dan il-player sad-9 ta’ Frar iżda sal-Ħamis li għadda ma kien sar ebda ħlas. Floriana kellhom iħallsu wkoll flus b’lura lill-goalkeeper Bernard Paris.

Passi dixxiplinari kontra uffiċjali ta’ Clubs

L-amministrazzjoni ta’ Darmanin Demajo ħadet deċiżjoni li tieħu passi dixxiplinari fil-konfront ta’ Gerald Ellul Segretarju ta’ Vittoriosa talli dan allegatament għadda kummenti dispreġjattivi fil-konfront ta’ Assistant Referee fuq it-televiżjoni u anke fuq face book.

Passi simili se jittieħdu wkoll fil-konfront tal-President ta’ Msida SJ wara li dan kien indirizza Konferenza Stampa biex jagħti l-verżjoni tal-Club  tiegħu wara li l-Bord tal-Protesti kien neħħielhom it-tliet punti li rebħu fil-ground fil-logħba kontra Balzan Youths. Robert Farrugia ġie mmultat ukoll mitt ewro (EUR100)

L-MFA bil-mod tat-tmexxija trasparenti u moderna se tieħu passi dixxiplinari wkoll kontra Paul Zammit President ta’ Melita wara li kellu xi jgħid fil-logħba Melita v Lija u anke kontra Noel Vella uffiċjal ta’ Mosta FC talli dan allegatament insulta uffiċjal tal-logħba waqt il-konfront Mosta Balzan. 

Min-naħa l-oħra Senglea ħadu passi ta’ sospensjoni ta’ xahar fil-konfront tal-kowċ tagħhom George Faure wara li dan għadda xi rimarki mhux xierqa fil-konfront tal-membri tal-kumitat tal-Isla. Hu għandu sospiż sal-ġimgħa d-dieħla.

 

Qligħ ta’ EUR30,000 mill-MFA mit-Tournament tan-Nisa’

Inkreddibli iżda vera. Sar magħruf li l-MFA se tagħmel qligħ ta’ madwar tletin elf ewro (EUR30,000) net profit mill-organizzazzjoni f’Malta tal-UEFA Tournament tan-Nisa’ li se jsir f’Malta. Ħafna flus minn tournament żgħir…………. Nisperaw u nappellaw li dawn il-flus jerġgħu ikunu investiti lura fil-futbol tan-nisa’ bħal kowċis kwalifikati fiċ-ċentru tekniku biex jgħinu lil Pierre Brincat, courses speċjalizzati għall-kowċis nisa’, u iktar fixtures internazzjonali home u away f’forma ta’ partiti ta’ ħbiberija mhux biss għat-Team Nazzjonali A tan-Nisa iżda anke għas-sezzjoni tat-tfajliet iżgħar fl-eta.

Intant l-MFA jidher li qed tisma iktar minn qatt qabel bil-problemi fi ħdan il-futbol tan-nisa’ tant li Dion Tonna ex-player tat-team Nazzjonali li bħalissa tinsab injured se tkun ingaġġata bħala kowċ fis-settur tekniku wara coarse tal-coaching li mistennija tagħmel. Tonna kienet iktar qabel talbet kumpens ta’ għaxart elef ewro (EUR10,000) lil MFA għall-operazzjoni f’irkuppitha. L-MFA tatha biss elf u ħames mitt ewro (EUR1,500) u bagħtitha għal second opinion fuq din l-operazzjoni li tixtieq tagħmel għand Dr. Martins.

NDD fost 13-il kandidat biex jirbaħ siġġu fil-UEFA

Tħabbru it-tlettax-il kandidat għall-post fl-Eżekuttiv tal-UEFA. Norman Darmanin Demajo hu wieħed minn tlettax-il kandidat li lest biex jipprova jirbaħ wieħed mis-seba postijiet li hemm fl-Eżekuttiv. Fost il-pajiżi li tefgħu l-kandidatura tagħhom hemm: ir-Rumanija, l-Ukrajna, il-Litwanja, il-Belġju, it-Turkija, ir-Russja, l-Isvizzera, ir-Republika Ċeka, il-Polonja, il-Bulgarija, il-Portugall u Spanja. Ma’ dawn jingħaqad magħhom ukoll il-President tal-MFA li minn hawn nawgurawlu kull suċċess f’din l-elezzjoni.





2 Comments

  1. Joseph Hatherly says:

    Hello

    Qed nigbor informazzjoni fuq George Faure biex namel profile fuqu bhal ma min kien jilghab, zminijiet u iz-zmien tijaw ma Malta mazula. 

    Kull informazzjoni tigi aprezzata.
    Grazzi Bil-Quddiem

    Joseph Hatherly
    (Marsa Fc).

    [Reply]

  2. James says:

    Ghaliex il-klabb ta’ Gozo FC se jigi xolt l-istagun li gej? Minhabba l-problemi fil-flus?

    [Reply]

Leave a comment