L-MFA bil-verżjoni tagħha dwar il-kuntratt mogħti lil Net TV

Saturday, November 13, 2010, 16:55

Din t’hawn taħt hija stqarrija li bagħtet l-MFA iffirmata mis-Segretarju Ġenerali Joe Gauci b’referenza għall-istorja  ippublikata fuq il-mezzi tax-xandir kif ukoll fuq dan is-sit : http://www.sportinmalta.com/media-link-communications-awarded-contract-by-mfa/

Għalkemm din l-istqarrija hi ffirmata minn Joe Gauci sorsi fi ħdan l-MFA ikkonfermaw magħna li f’din l-istqarrija hemm il-pinna wkoll ta’ Chris Bonnet l-Avukat impjegat il-ġdid tal-MFA.

L-Istqarrija fit-totalita’ tagħha mingħajr editjar hi din:

Antoine Portelli u l-MFA bil-verżjoni tagħhom

Antoine Portelli u l-MFA bil-verżjoni tagħhom

Il-Malta Football Association (MFA) tagħmel referenza għar-rapporti li dehru u instemgħu fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni, senjatament għall-kummenti li għamel iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ One Productions, is-sur Jason Micallef fir-rigward ta’ provvista ta’ servizzi ta’ filming b’mod differit ta’ logħob tal-BOV Premier League, għal-liema servizz ser tħallas il-MFA.

Permezz ta’ din l-istqarrija l-MFA qegħdha tagħmel kjarifika dwar dawk illi huma l-fatti ta’ kif l-MFA, bl-iktar mod trasparenti indirizzat dawn in-negozjati mal-kumpaniji televizivi konċernati.

  • Il-MFA tikkonferma ukoll illi l-fatti dwar kif sehhew in-negozjati ma’ ONE Productions Limited u ma’ kull kumpanija televiziva ohra konċernata, huma dokumentati permezz ta’ korrispondenza illi kienet intbgħatet bejn il-MFA u dawn il-kumpaniji televizivi.
  • Fir-rigward ta’ dan l-episodju, il-MFA qegħdha tistqarr illi skont il-korrispondenza li hemm bejn ONE Productions Limited u il-MFA il-fatti huma kif ġej:
  • Nhar il-25 ta’ Settembru 2010, fid-dawl ta’ talba li saret mit-Tezorier tal-MFA is-sur Antoine Portelli, is-Sales, Marketing and PR Manager ta’ ONE Productions Limited, ikkorisponda ma’ l-istess Antoine Portelli (liema  korrispondenza kienet mibgħuta wkoll lis-Sur Jason Micallef) u għamel offerta f’isem One Productions Limited.
  • Nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru, fiz-zmien illi n-negozjati kienu miftuha, Antoine Portelli kiteb lill-istess Sales, Marketing and PR Manager ta’ ONE Productions Limited u s-sur Micallef, fejn għarrafhom li l-ewwel proposta kienet f’livelli għolja, u għaldaqstant issuġġerilhom sabiex jissottomettu proposta aktar ġusta; “Please come back with a fairer offer.”
  • Il-Ħadd 3 ta’ Ottubru, Jason Micallef ikkorrisponda ma’ Antoine Portelli u tennielu li ONE Productions Limited kienu ser jagħmlu l-kontro-proposta tagħhom.
  • L-Erbgħa 6 ta’ Ottubru iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ One Productions bagħat il-kontro-proposta tiegħu, bl-offerta ta’ ONE Productions Limited.
  • Il-MFA terġa’ ttenni li l-proċess ta’ l-għażla kien wieħed trasparenti għall-aħħar u ġie diskuss fl-għola organi fi ħdan l-assoċjazzjoni, jiġifieri fil-Bureau, fil-Kumitat Ezekuttiv u fl–aħħarnett irrappurtat lill-Kunsill, fejn dan kollu ġie approvat. Dan sar skond ir-regolamenti u l-proċeduri li bihom tigi amministrata l-assoċjazzjoni.

Il-MFA tawgura illi permezz ta’ din il-kjarifika dan l-episodju ġie konkluż.

Min-naħa tagħha l-MFA ma ssib l-ebda oġġezzjoni biex turi l-korrispondenza neċessarja sabiex tissalvagwardja l-interessi tagħha u ta’ l-uffiċjali fi ħdanha. 

Joseph Gauci

Segretarju Ġenerali





1 Comment

  1. julio says:

    hope everyone is happy.

    [Reply]

Leave a comment