L-MFA bil-verżjoni tagħha dwar il-każ ta’ Msida SJ

Wednesday, January 19, 2011, 14:34

B’referenza għall-artiklu intitolat “Deċiżjonijiet inġusti għall-Club tagħna” li deher f’paġna 38 tal-ġurnal “l-orizzont” ta’ nhar l-Erbgħa 12 ta’ Jannar 2011, l-MFA tixtieq tiċċara diversi punti msemmija fl-istess artiklu li setgħu tefgħu dell ikrah fuq l-amministrazzjoni, l-uffiċċjali u bordijiet tal-MFA.  L-artiklu msemmi jirrapporta dak li qal is-sur Robert Farrugia, President ta’ Msida St. Jsoeph FC, waqt Konferenza Stampa li saret nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Jannar 2011.

Wara li Msida St. Joseph FC naqsu milli jonoraw deċiżjonijiet tal-Players, Coaches, Players’ Agents & Member Clubs Complaints Board billi ma ħallsux pagamenti dovuti lill-players Stefano Grima, Kurt Magro, Kenneth Spiteri u Matthew Camilleri u lill-coach Joe Abdilla, il-Bord tal-Kontroll u Dixxiplina tal-MFA, fis-seduti tat-12 ta’ Jannar, 2 ta’ Frar u 2 ta’ Marzu 2010, ordna li, jekk Msida St. Joseph FC ma jħallsux dawn il-pagamenti dovuti sas-7 ta’ April 2010, għandhom jitnaqqsulhom żewġ (2) punti għal kull wieħed minn dawn il-ħames (5) każi.  Msida St. Joseph FC ma appellawx minn dawn id-deċiżjonijiet u ma ħallsux il-pagamenti dovuti saż-żmien stipulat.  Għaldaqstant fit-8 ta’ April 2010, Msida St. Joseph FC tnaqqsulhom għaxar (10) punti mill-klassifika tal-BOV Premier League li dak iż-żmien kien wasal f’nofs it-tieni fażi.

Wara li Msida St. Joseph FC naqsu milli jonoraw deċiżjonijiet tal-Players, Coaches, Players’ Agents & Member Clubs Complaints Board billi ma ħallsux pagamenti dovuti lill-players Roderick Baldacchino u Stefano Grima, il-Bord tal-Kontroll u Dixxiplina tal-MFA, fis-seduti tas-27 ta’ April u tad-19 ta’ Mejju 2010, ordna li, jekk Msida St. Joseph FC ma jħallsux dawn il-pagamenti dovuti sat-30 ta’ Ġunju 2010, mill-klassifika tagħhom fl-istaġun 2010/11 għandhom jitnaqqsulhom żewġ (2) punti għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ (2) każi.  Msida St. Joseph FC ma appellawx minn dawn id-deċiżjonijiet u ma ħallsux il-pagamenti dovuti saż-żmien stipulat.  Għaldaqstant fl-1 ta’ Lulju 2010, daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Bord tal-Kontroll u Dixxiplina li Msida St. Joseph FC għandhom jitnaqqsulhom erba’ (4) punti mill-klassifika tal-BOV First Division League fl-istaġun 2010/11.

Is-sur Joseph Gauci, Segretarju Ġenerali, jiċħad li Dr Joe Mifsud, dak iż-żmien President tal-MFA, xi darba ċempillu jew qallu jew kitiblu li kienet ingħatat estensjoni ta’ xahar lil Msida St. Joseph FC biex iħallsu dawn iż-żewġ (2) pagamenti.  L-ebda uffiċjal jew organu tal-MFA ma għandu l-awtorita’ jħassar jew ibiddel deċiżjoni tal-Bord tal-Kontroll u Dixxiplina.  Sadattant irid jingħad ukoll illi anke kieku ngħatat din l-estensjoni ta’ xahar, Msida St. Joseph FC xorta waħda ma osservawx din l-iskadenza u l-ftehim dwar il-ħlas tal-pagamenti dovuti lill-players Roderick Baldacchino u Stefano Grima iddaħħlu fl-MFA f’Awissu 2010.  Fil-fatt il-projbizzjoni dwar reġistrazzjoni, trasferiment u release ta’ players imposta mill-Kunsill fuq Msida St. Joseph FC dwar dawn iż-żewġ pagamenti tneħħiet mis-sur Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, fit-12 ta’ Awissu 2010. 

Huwa ttamat li permezz ta’ din il-kjarifika jitneħħa kull dubju li seta’ kien hemm fir-rapport tal-Konferenza Stampa msemmija li seta’ kien hemm xi forma ta’ nuqqas mill-amministrazzjoni tal-MFA fit-tnaqqis tal-punti mill-klassifika ta’ Msida St. Joseph FC.





1 Comment

  1. Toni says:

    Vordiri dawn qed jghidu li il-president misidjan giddieb?!?

    [Reply]

Leave a comment