L-Istilel Ġirbin kważi għamluha

Sunday, August 18, 2013, 11:26

Minn Robert Busutill

Fit-tieni partita Vittoriosa Stars kienu mċaħħda minn rebħa wara gowl Balzani minuta qabel tmiem il-logħba biex iż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed minn dan il-konfront. Ta’ min jgħid li Balzan għamlu 25 minuta jilagħbu bi plejer anqas meta Aaron Agius tkeċċa mir-referi Alan Mario Sant wara tackle fuq Gilbert Martin.
Iż-żewġ timijiet ippreżentaw diversi uċuh ġodda fl-iskwadri tagħhom sabiex jilħqu l-għan ta’ salvazzjoni bikrija f’dan l-istaġun.
Spikka fuq kulħadd l-attakkant Kolombjan tal-Birgu,  Oscar Guerrero, awtur ta’ doppjetta f’din il-partita.
Madankollu kienu Balzan li fetħu l-iskor fil-31 minuta meta AARON AGIUS  għeleb lil Cini wara pass ta’ Vignaroli. Ir-risposta tal-Birgu waslet tmien minuti wara meta OSCAR GUERRERO approfitta minn rebound sabiex poġġa l-ballun fix-xibka biex ġab l-iskor indaqs.
Fis-70 minuta reġa kien OSCAR GUERRERO li b’xutt tajjeb poġġa lil Vittoriosa fil-vantaġġ.
Kollox kien jidher li kienu se jkunu Vittoriosa li jakkwistaw l-ewwel tliet punti tal-istaġun iżda ma kienx tal-istess parir is-sostitut Balzani ANDREW SCICLUNA li b’daqqa ta’ ras għeleb għat-tieni darba lil Cini għal dro drammatiku ta’ 2-2.





Leave a comment