L-ISTAĠUN AUTOCROSS BIL-JOKER LAP JIBDA L-ĦADD 5 TA’ NOVEMBRU

Wednesday, November 1, 2017, 10:02

Nhar il-Ħadd 5 ta’ Novembru 2017 f’nofsinhar, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tiftaħ Kampjonat ieħor tal-istaġun ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. Is-Sezzjoni Karozzi Autocross għal darb’oħra ser ikollha zewġ klassijiet, dik Modified u l-oħra Standard. Matul dan l-istaġun ser ikollna Sistema ġdid kif ser tkun imqassma trakka ta’ kull tiġrija, dik bis-sistema imsejjħa Joker Lap li ser tkun introdotta għall-ewwel darba f’dan l-istaġun. Permezz ta din is-sistema ta’ tiġrija wieħed se jkollu iktar cans javanza fil-pożizzjoni tiegħu waqt kull tiġrija li jieħu sehem fiha. B’din is-sistema Joker Lap ser jingħata iktar cans lil dawk is-sewwieqa li jkunu xi ftit lura mill-oħrajn biex dawn jieħdu ċ-ċans li jtejbu il-pozizjoni taħhom.

Intant matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet saru żewġ attivitajiet mill-ASMK.  Is-Sibt li għadda fil-barriera tal-Ballut Ltd limiti ta San Pawl tat-Tarġa infetaħ il-Kampjonat Nazzjonali Trails 2017/2018 filwaqt li nhar il-Ħadd li għadda infetaħ il-Kampjonat Nazzjonali Motocross 2017/2018 ġewwa l-korsa ASMK f’Ta’Qali.

Mill-Ġurnata tal-Muturi Motocross kellna 30 mutur li rreġistraw f’din il-ġurnata li kienet maqsuma f’erba klassijiet. Fil-Klassi A rajna lil Kyle Camilleri fuq KTM 250 jiddomina il-ġurnata. Camilleri irnexxielu jirbaħ il-kwalifikazzjoni kif ukoll il-Heats kollha tal-ġurnata. Fil-Klassifika Finali Camilleri kien segwit minn Stefan Dimech fuq Honda 250 u David Dimech fuq Honda 450.

Fi Klassi B rajna lil James Zahra fuq Sherco 300 jiddomina l-ġurnata kollha fejn spicca rebbieħ segwit minn Brandon Slowe fuq Honda 250 u Bernard Sammut fuq Beta 250. Slowe u Sammut għalqu l-ġurnata fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.

Fi Klassi C rajna lill Christohper Hartman fuq KTM 150 flimkien ma Daniel Inguanez fuq Honda 250 jiddominaw din il-klassi b’Hartman jirbaħ din il-klassi wara li Inguanez tilef l-ewwel Heat tal-ġurnata u kellu jikkuntenta bit-tieni post.

Fi Klassi Veterans rajna taqtija bejn Paul Deguara fuq KTM 250  u William Sant fuq Honda 250. Matul il-ġurnata Deguara u Sant rebħu Heat kull wiehed b’Deguara jispicca jirbaħ il-gurnata segwit minn Sant. Fit-tielet post spiċċa Jethro Sant fuq Yamaha 250.

Mill-ġurnata tal-Muturi Trials Klassi A fetħet l-istaġun b’seba kompetituri fejn rajna lill kuġini Damon Bonello fuq mutur Gas Gas u Rowen Bonello fuq mutur Beta f’taqtitja ma Antonio Leonardi fuq mutur Gas Gas. Matul il-ġurnata rajna lill Leonardi jiddomina flimkien ma Damon Bonello sa kemm fil-ħames sezzjoni Antonio tilef xi ftit punti bil-konsegwenza li Damon ġie ddikjarat rebbieħ tal-ġurnata segwit min Antonio u Rowen Bonello rispettivament. Fir-raba’ post spiċċa Joseph Scicluna fuq mutur Gas Gas.

Intant attività oħra Trials mistennija issir nhar il-Ħadd 19 ta’ Novembru 2017, filwaqt li attivita oħra Motocross ħa ssir fis-26 ta’ Novembru 2017. Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assocjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġna ta’ Facebook Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email fuq info@asmk.org.mt.

Rittrati ta’ Mario Micallef





Leave a comment