L-istaġun ASMK Autocross jiftaħ nhar il-Ħadd li ġej

Wednesday, December 5, 2018, 8:34

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi sa tkompli bl-attivitajiet mill-Kampjonat ASMK Pasta Poiatti 2018/2019. Din id-darba l-Assoċjazzjoni ser tkun qed tagħmel it-tielet tentattiv biex tiftaħ dan il-Kampjonat Nazzjonali tal-Karozzi Autocross fejn il-maltemp li għamel kwazi f’kull tmiem il-ġimgħa għamilha impossibli li jsiru dawn it-tiġrijiet. Din l-ewwel tiġrija Autocross tibda f’12:00pm fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta Qali.

Intant nhar il-Ħadd li għadda l-Assoċjazzjoni organizzat it-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2018/2019 fejn wara maltemp li għamel lejlet l-attività, ħalla lill-parteċipanti jaħlu iktar enerġija mis-soltu fejn it-tajn u l-ilma fil-korsa kienu l-protagonisti fit-tiġrija. Għal din l-attività rreġistraw 19-il kompetitur waqt li kienu 17-il kompetitur li ħadu sehem maqsumin fi Klassi A, B u Veterani.

Fil-kwalifikazzjoni rajna wħud li għażlu li ma jinżlux għal din il-parti wara li l-kundizzjoni tal-korsa kienet qed taħlilhom ħafna enerġija.

Fi Klassi A Kyle Camilleri fuq mutur KTM iddomina l-kwalifikazzjoni segwit minn Mark Mamo fuq mutur Yamaha. Camilleri u Mamo komplew jiddominaw fiż-żewġ heats uffiċjali tal-ġurnata b’Mamo jirbaħ l-ewwel heat filwaqt li Camilleri rebaħ it-tieni heat. Finalment Camilleri ħareġ rebbieħ segwit minn Mamo.

Fi Klassi B Daniel Caruana fuq mutur Honda iddomina l-kwalifikazzjoni segwit minn Krist Falzon fuq mutur Husqvarna. Matul iż-żewġ heats uffiċjali Caruana flimkien ma’ Jorn Stellini fuq mutur KTM iddominaw l-ewwel heat segwit minn Falzon u Gary Debono fuq mutur KTM. Matul it-tieni heat is-sitwazzjoni inbidlet fejn Debono iddomina din il-heat segwit minn Caruana u Falzon. Caruana rebaħ din il-klassi segwit minn Debono, Falzon u Stellini.

Fil-Klassi Veterani Carmelo Borg fuq mutur Honda kien l-iktar wieħed veloċi matul din il-ġurnata tant li minħabba nuqqas ta kompetituri f’din il-klassi il-veterani ikkompetew mal-Klassi A. Ġara li matul iż-żewġ heats tal-ġurnata, Borg illidja u rebaħ il-klassi Veterani kif ukoll ħalla lill-oħrajn warajh. Borg kien dejjem segwit minn Jethro Sant fuq mutur Yamaha.

F’dawn il-ġranet l-ASMK għalqet ir-reġistrazzjoni tal-25 Edizzjoni tad-Demolition Derby 2018 li ħa ssir b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. Għal din l-edizzjoni ser jipparteċipaw 30 kompetitur. Kollox jinsab lest biex nhar il-Ħadd 23 ta’ Diċembru fit-3.00pm Iħabbtuhom għal Istrina 2018.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew fil-paġna Facebook bl-isem Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt u/jew Mobile 9942 5489

Rittrati ta’ Mario Micallef





Leave a comment