L-istaġun 2012/2013 jibda fi tmiem din il-ġimgħa fil-kumpless tal-Universita`

Friday, September 28, 2012, 8:23


minn Colin Schembri

 

Għada s-Sibt 29 ta’ Settembru jitla s-siparju għall-istaġun tal-basketball 2012-2013 bl-ewwel edizzjoni tas-Saint James Hospital pre-season tournament. Meta kollox kien lest u wara sajf li ra fostna fost l-oħrajn lil Professur Maurizio Mondoni li mexxxa kors fil-mini-basket, faqqgħet sajjetta fil-bnazzi għall-amministrazzjoni tal-MBA imexxija mil-President Paul Sultana. Il-padiljun f’Ta’ Qali ġarrab ħsarat enormi wara l-maltempata tat-3 ta’ Settembru tant li kien impossibli li jsir logħob fuqhu. Il-ħsara tant hi estensiva li ġie deċiż li tinġieb art ġdida mill-Italja. L-MBA bdiet il-ħidma permezz tal-qlugħ tal-art il-qadima b’mod immedjat. L-art il-ġdida tibda tiġi nstallata wara li se jsir proġett fejn il-court se jogħla biex tiġi evitata kull possibilita li terġa tiġru l-istess ħaġa. Sa dan it-tant grazzi għall-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-iSport u c-charmain is-Sur Bernard Vassallo, il-logħob se jkun jista jibda fil-kumpless sportiv tal-Universita f’Tal-Qroqq. Peress li dan il-kumpless jintuża wkoll minn dixxiplini sportivi oħrajn, l-użu mill-MBA huwa limitat u għalhekk se jintlagħbu biss il-kampjonati tal-ewwel diviżjoni tan-irġiel u tan-nisa u tat-tieni diviżjoni. Il-kampjonat ta’ taħt l-14 –il sena u l-mini basket ma ġewx affetwati għaliex dawn isiru fil-gym ta’ l-Imtarfa u n-Naxxar rispettivament.

 

Irġiel 

 

Għal darb’oħra se jkunu sitta t-timijiet li se jieħdu sehem fil-logħob tal-irġiel. Dawn huma c-champions A to Z Electronics Athleta, Pavi Depiro, Floriana Francesco Fenech, Siġġiewi, Bupa Luxol u Tata Motors Loyola. Ic-champions tilfu lil Dirk Schembri li inagħqad ma’ Floriana pero’ akkwistaw lil Sean Pace minn għand Loyola. Depiro żiedu l-esperjenza ta’ Etienne Bezzina mal-iskwadra li l-istaġun li għadda spiċċat fit-tieni post fil-waqt li post l-Amerikan Greg Hamlin issa ħadu Marticus Morgan. Floriana, wara staġun li wassalhom għall-ewwel darba fil-play-offs u fil-finali tal-BOV Knock out, komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom. Minbarra lil Dirk Schembri huma ħadu wkoll lil David Camilleri ex-Loyola u kkonfermaw għal kollox lil player Clayton Calleja. Anke Floriana biddlu l-Amerikan fejn issa huma għandhom lil Philip Tomas li għandu biċċa xogħol iebsa biex inessi lil Evan Fjeld. Siġġiewi saħħew l-iskwadra tagħhom permezz ta’ players li kienu jilgħabu magħhom fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni bħal Lee Grech u Clayton Agius. Luxol ukoll se jkollhom player Amerikan ġdid hekk kif Stephen Shackleford ħa post Jeron Belin fil-waqt li Loyola wara li tilfu lil Sean Pace u lil David Camilleriu Rashanti Harris, se jkunu qiegħdin jibbażaw l-iskwadra tagħhom fuq diversi elementi żgħażagħ.

 

Nisa’

 

Hawnhekk ukoll se jkollna seba’ timijiet jieħdu sehem li huma c-champions Luxol, Alyssa Ashley Loyola, Mc Donalds Depiro, Hibs, Honey Athleta, Starlites Sports Experience u Phoenix Petrus Pizza Qormi. Ic-champions Luxol se jiddefendu t-titlu li rebħu għall-aħħar żewġ staġuni u għal darb’oħra kollox juri li se jkun staġun missielet. Luxol tilfu lil Beverlee Zammit li se tingħaqad ma’ Depiro fil-waqt li l-Amerikana tagħhom se tkun Mollie Williams li ħadet post Robin Murphy. Loyola wkoll tilfu uħud mil-players ta’ l-istaġun li għadda fosthom Emma Moore li wkoll se tkun player ta’ Depiro. Depiro tilfu lil Antoinette Borg li marret ma Hibs u lil Justine Xuereb u Edwina Vella li sieħbu lil Athleta. Depiro se jkollhom player Amerikana differenti wkoll – Latisha Belcher. Hibs għad iridu jikkonfermaw il-player barranija tagħhom fil-waqt li Phoenix se jkollhom lil player Amerikana Brittaney Thomas u ħadu wkoll lil Alexis Cutajar mingħand Hibs. Starlites se jkomplu jibnu bi players żgħażagħ minn nursery tagħhom.

 

2 Diviżjoni

It-timijiet li se jieħdu sehem f’dan il-kampjonat huma c-champions Siġġiewi, Bell Net SN Suns, Phoenix Qormi Żmerċ Pub, Starlites, Miscela D’oro Mtarfa, Mellieħa Tritones u Floriana YTC Travel. Anke hawn kien hemm xi ċaqlieq ta’ players fejn Siġġiewi ħadu lil Jide Jetson u Clement Kodomaris li kienu magħhom fl-ewwel diviżjoni flimkien ma’ Graham Coleiro ex-Mellieħa. Suns akkwistaw lil Stayan Kivshanov u Josef Parnis, b’Phoenix jirreġisraw lil Antoine Costa u Trevor Grech. Floriana għandhom lil Daniel Bugeja, Antoine Grech u Adrian Sultana fost l-oħrajn.

 

L-ewwel programm għal tmiem il-ġimgħa d-dieħla se jkun iddedikat lil St. James Hospital pre-season tournament u l-partiti se jinlagħbu fuq jumejn bil-finali tintlagħab il-Ħadd fis-6.30 ta’ fil-għaxia. Tispikka wkoll il-finali tas-Saint Hospital Super Cup ta’ l-irġiel bejn A to Z Electronics Athleta u Bupa Luxol. Dan is-sit għal darb’oħra se jerġa jwasslilkhom ir-rapporti tal-partiti.

 





1 Comment

  1. Edmund Farrugia says:

    Just for the record, A to Z Electronics ATHELTA have confirmed their foreigner Marko Todorovic for another season.

    [Reply]

Leave a comment