L-Islanda hija d-destinazzjoni magħżula għall-Actavis LifeCycle 2015.

Friday, November 14, 2014, 0:39

Dan ħabbru llum Alan Curry, il-President ta’ LifeCycle Malta Challenge, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret bl-għan li titnieda l-isfida tas-sena d-dieħla. Din ser tkun is-17-il darba li tim dedikat ta’ ċiklisti Maltin, jaffaċċjaw l-elementi f’rikba fit-tul f’pajjiż differenti, f’dak li hu meqjus wieħed mill-aktar avvenimenti intensivi u ta’ tbatija fl-Ewropa. L-avveniment tas-sena d-dieħla se jibda fit-3 ta’ Lulju u jibqa’ sejjer sas-17 ta’ Lulju u għal darba oħra se jkopri madwar 2,000km. Alan Curry spjega kif din l-attivita’ ma ssirx f’pajjiżna għaliex dawn il-pajjiżi differenti jattiraw aktar sponsors u ċiklisti għal din l-isfida.

L-organizazzjoni LifeCycle timmira li tqajjem kuxjenza u tiġġenera appoġġ għall-pazjenti li jsofru minn end stage renal disease, filwaqt li tinkoraġġixxi d-donazzjonijiet ġenerużi mill-pubbliku.

Matul dawn l-aħħar snin, ir-Renal Unit irċeviet miljuni ta’ ewro f’tagħmir u servizzi mill-edizzjonijiet tal-LifeCycle li għaddew. Għat-tielet sena konsekuttiva Actavis huma l-isponsors uffiċjali ta dan l-avveniment u diġà taw donazzjoni ta’ €25,000.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-iSport, Chris Agius, waqt id-diskors tiegħu fil-konferenza tal-aħbarijiet, faħħar l-isforzi kemm tal-membri tal-LifeCycle Challenge u anki l-amministrazzjoni ta’ Actavis, li jaħdmu id f’id għal dan l-għan nobbli. Huwa spjega kif mil-laqgħat li kellu tul dawn l-aħħar snin maċ-ċiklisti innifishom, beda jifhem aħjar s-sagrifiċċji li jagħmlu dawn iċ-ċiklisti u l-appoġġ li jistħoqqilhom.

Aktar informazzjoni dwar il-LifeCycle Foundation hija disponibbli fuq il-websajt www.lifecyclechallenge.com.





Leave a comment