- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

L-iskola sajf ta’ TS Table Tennis Academy tiftaħ b’suċċess

Posted By Sportinmalta On August 4, 2016 @ 8:47 pm In Featured,Other,Table Tennis | No Comments

Gavin Muscat

Bi preparament għall-iskola sajf u bħala tmiem l-istaġun tal-logħob, Topspin Table Tennis Academy organizzat ir-raba’ ranking tournament matul ix-xahar ta’ Ġunju; liema tournament ra parteċipazzjoni numeruża minn kull kategorija ta’ studenti.

Fil-bidu ta’ Lulju, għar-raba’ sajf konsekuttiv, l-Akkademja reġgħet fetħet tliet xhur ta’ skola sajf bis-sehem ukoll tal-Kowċ Pollakk Andrzej Borkowski. Borkowski hu kowċ professjonali u kkwalifikat li jilgħab f’wieħed mill-aqwa ligs ġewwa l-Ġermanja. Peress li, fis-snin ta’ qabel, Borkowski ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-istudenti, l-Akkademja rat kif għamlet biex din is-sena terġa’ tospitah. Fil-fatt, din hija t-tielet sena li hu ġie mistieden mill-Akkademja biex iqatta’ numru ta’ ġimgħat jipprepara s-sessjonijiet tat-taħriġ għall-istudenti. Apparti minn hekk, Dr Adele Muscat, il-psikologa tal-isport, se tkun qed terġa’ tħejji taħdita kostruttiva għall-istudenti tal-Akkademja, fosthom fuq kif wieħed jista’ jgħin biex tingħeleb l-ansjetà li tinħakem qabel u waqt il-logħob.

Għall-ewwel darba minn mindu twaqqfet TS Table Tennis Academy, studenta mill-Akkademja ntgħażlet biex tikkompeti internazzjonalment fil-European Youth Table Tennis Championships li ġew organizzati f’Żagreb ġewwa l-Kroazja. L-Akkademja tieħu l-opportunità biex tifraħ lil Nicole Cutajar tad-determinazzjoni u l-perseveranza li wriet matul il-logħob tagħha kollu.

TS Table Tennis Academy tixtieq tawgura wkoll lill-istudenta Anthea Cutajar li ntgħażlet biex tingħaqad mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport tul is-snin skolastiċi li ġejjin. L-Akkademja tinsab kburija ħafna bl-avvanz li l-istudenti tagħha qegħdin jagħmlu fi żmien qasir.

Min jixtieq iktar tagħrif dwar l-Akkademja u l-attivitajiet marbutin magħha jista’ jżur il-paġna tal-Facebook jew inkella s-sit  www.topspintabletennisacademy.com . Apparti minn hekk, wieħed jista’ wkoll jikkuntattja lill-Kowċ Edward Baldacchino fuq 99470278. L-Akkademja dejjem entużjasta biex tilqa’ membri ġodda ta’ kull età.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/l-iskola-sajf-ta-ts-table-tennis-academy-tiftah-bsuccess/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.