L-Iskema 20/20 Issa Estiża Għall-Kowċis Tal-Atleti

Friday, December 13, 2013, 16:05

 

Titħabbar l-estensjoni tal-iskema 20/20, skema intiża biex l-atleti jkunu aktar professjonali. Din l-iskema ġiet estiża għall-kowċis, għalhekk l-estensjoni ta’ din l-iskema tfisser it-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra fil-qasam tal-isport fejn kien imwiegħed li l-Gvern se jkompli jsostni din l-iskema.

 

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Dr Stefan Buontempo, waqt li nieda din l-iskema fil-Kulleġġ Santa Margerita Skola Sekondarja Subien f’Bormla fil-preżenza tal-atleti, kowċis u studenti tal-istess skola.

 

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-Gvern se jkun qed jinvesti ’l fuq minn 3 miljun ewro fuq erba’ snin fuq l-atleti li jikkompetu f’logħob internazzjonali dan fid-dawl tal-investiment fil-Kumitat Olimpiku Malti u f’din l-iskema. Din l-estensjoni hija wkoll parti minn dan l-isforz biex inkomplu ngħollu l-livell tal-isports Malti.

 

Permezz ta’ din l-iskema u tal-ftehim mal-Kumitat Olimpiku Malti kemm l-atleti kif ukoll l-assoċjazzjonijiet se jkunu f’pożizzjoni aħjar li jippanjaw aħjar u fit-tul.

 

Dr Buontempo qal li bħalissa hawn 25 atleta li qed jibbenefikaw minn din l-iskema bil-maġġoranza tagħhom jaħdmu mas-settur privat. Din l-iskema tippermetti l-atleta jaħdmu 20 siegħa fuq il-post tax-xogħol tagħhom u 20 siegħa jitrenjaw.

 

L-estensjoni hija intiża biex pajjiżna jtejjeb ir-riżultati tiegħu f’logħob internazzjonali u biex l-atleta jkun f’pożizzjoni aħjar biex jipparteċipa f’logħob internazzjonali. Issa l-kowċis ta’ dawn l-atleti se jkunu jistgħu jkunu preżenti waqt li l-atleta tagħhom ikun qed jitrenja.

 

Dr Buontempo rringrazzja lis-settur privat li qed jipparteċipa bis-sħiħ u biex aktar kumpaniji jissieħbu f’din l-iskema. Huwa appella wkoll lill-istudenti preżenti biex jieħdu eżempju minn dawn l-atleti li għandu pajjiżna u jipprattikaw xi dixxiplina sportiva. B’hekk Malta jkollha soċjetà aktar b’saħħitha.

 

Waqt it-tnedija tal-estensjoni ta’ din l-iskema tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, Dr Luciano Busuttil fejn qal li l-investiment fl-atleti se jssarraf f’suċċessi barra minn Malta u b’hekk dawn l-istess atleti jkunu ta’ eżempju għat-tfal u żgħażagħ li jkunu jridu karriera sportiva. Huwa tenna li dan huwa investiment xieraq għax joffri opportunitjiet uniċi biex kull persuna li se tgawdi minn din l-iskema takkwista ħiliet li tkun tista’ tapplikahom f’oqsma differenti matul ħajjitha kollha.





Leave a comment