L-Għaxar iljuni Naxxarin jikkonvinċu

Sunday, September 15, 2013, 10:06

Minn Robert Busuttil

Naxxar L. ……3

Tarxien R…….1


Il-Ħdax anzi l-għaxar iljuni Naxxarin kisbu rebħa konvinċenti kontra t-Tarxiniżi bl-iskor ta’ 3-1 sabiex komplew iġibu l-punti u jikkonfermaw l-intenzjonijiet tagħhom għal staġun pożittiv fil-Premier.

Minkejja li b’għaxra min-nies wara t-tkeċċija ta’ Angus Buhagiar fit-68 minuta, Naxxar kienu kapaċi jirreaġixxu u ma jħallux lill-avversarji jieħdu vantaġġ minnhom.

Għan-Naxxarin din kienet it-tieni rebħa minn erba’ partiti filwaqt li r-Rainbows dabbru t-tielet telfa minn daqstant logħbiet.

Il-Lions kellhom neqsin lil  Terence Scerri u Kurt Drago filwaqt li rritorna Thiago Lopes.

Fit-3 minuta frikik tas-solitu Pablo Doffo sab ir-ras ta’ Darren Falzon li ra l-ballun tiegħu jispiċċa għal korner wara li ġie mxellef mill-gowler Tarxiniż Vella.

Risposta ta’ Tarxien waslet tmien minuti wara meta xutt ta’ Miguel Ciantar ġie mxellef għal korner.

Madankollu Naxxar fetħu l-iskor fil-15 –il minuta meta minn frikik ieħor ta’ Doffo, il-ballun jasal għand Andre Rocha da Silva li kellu x-xutt tiegħu mblukkat u pront bħal sajjetta daħal THIAGO LOPES li bir-ras tefa’ fix-xibka.

Ftit qabel ma ntemmet l-ewwel taqsima, Tarxien ġabu d-dro meta Miguel Ciantar ikkrossja mill-faxxa laterali u JORGE SANTOS SILVA bir-ras għamilhom 1-1.

Sfortunatament għar-Rainbows ma tantx damu jgawdu d-dro hekk kif Naxxar ingħataw penalti wara li difensur Tarxiniż mess il-ballun b’idu.  Ir-referi Trustin Farrugia Cann ipponta l-werrej lejn it-tonda tal-penalti sabiex mill-11 –il metru ANDRE ROCHA DA SILVA ma żbaljax biex poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ.

Fit-53 minuta kien save brillanti tal-gowler Vella għal Tarxien li evita t-tielet gowl wara xutt tajjeb ta’ Darren Falzon.

Naxxar Lions spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers wara li tkeċċa Angus Buhagiar fit-68 minuta wara kuntrast kemmxejn goff mat-Tarxiniż Josef Mifsud.

U kif għedna aktar qabel l-għaxar iljuni Naxxarin baqgħu jemmnu fir-riżultat, żammew l-inizzjattiva u ma kinitx kumbinazzjoni li skorjaw it-tielet gowl. Gilmar Ribeiro qassam tajjeb lejn ANDRE ROCHA DA SILVA li b’xutt tajjeb ċaqlaq ix-xibka Tarxiniża għat-tielet darba fost il-ferħ tal-partitarji Naxxarin preżenti fl-Istadium.

It-tisfira finali tar-referi Trustin Farrugia Cann rat is-sodisfazzjon evidenti ta’ Naxxar li rnexxielhom itellgħu seba’ punti minn erba’ logħbiet. Min-naħa l-oħra jikber it-tħassib fost id-diriġenti Tarxiniżi li ġarrbu t-tielet telfa tal-Kampjonat u jippruvaw isibu mezz kif ikunu jistgħu jxaqilbu l-miżien favur tagħhom.





Leave a comment