L-Għaqda Ġurnalisti Sports preżenti waqt it-80 Kungress tal-AIPS f’Seoul u Pyeonchang

Thursday, May 18, 2017, 12:09

Fi Pyeongchang il-Korea t’Isfel, ġie fi tmiemu t-80 Kungress tal-AIPS l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Media Sportiva.

Għal dan il-kungress l-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet rapreżentata mill-President Charles Camenzuli u mis-Segretarju Ġenerali Sandro Micallef li taw il-kontribut tagħhom mhux biss fid-diskusjonijiet li saru waqt il-kungress iżda wkoll permezz tal-vot ta’ pajjiżna fil-votazjonijiet li kienu skedati għal dan il-kungress.

Filfatt it-80 Kungress tal-AIPS kien jinkludi wkoll l-Assemblea Ġenerali tal-fergħa ewropeja tal-AIPS, jiġifieri l-AIPS Europe li kif kien mistenni fiha nħatar għall-ewwel darba President Malti li se jkun Charles Camenzuli li mistenni jmexxi l-AIPS Europe għal terminu ta’ erba’ snin.

Il-membri eletti u l-karigi l-ġodda fl-AIPS Europe jinsabu hawn: http://www.aipsmedia.com/2017/05/10/20845/aips-congress-aips-europe-aips-korea-sports-journalism-media

Il-Kungress elettiv ra wkoll votazzjoni iktar wiesa fejn il-pajjiżi membri (li kienu 90 b’kollox intitolat għal vot minn 107 preżenti) kellhom jeleġġu l-Eżekuttiv Internazzjonali wkoll għat-terminu tal-erba’ snin li ġejjien. Suċċess ieħor ewropew hekk kif hawn it-taljan Gianni Merlo reġa’ ġie konfermat bħala President filwaqt li fost il-Viċi Presidenti eletti hemm ukoll l-ex President tal-AIPS Europe il-Grieg Iannis Daras u r-Russu Nikolai Dolgopolov.

Bil-ħatra ta’ President tal-AIPS Europe Charles Camenzuli għandu wkoll post awtomatiku bħala wieħed mill-Viċi Presidenti fl-Eżekuttiv tal-AIPS.

Il-Lista tal-membri kollha eletti u l-formazzjoni tal-Eżekuutiv il-ġdid tal-AIPS tinsab hawn:

http://www.aipsmedia.com/index.php?page=news&cod=208 51

Diskusjoni u deċiżjonijiet:

Il-Kungress kien jinkludi fost oħrajn preżentazzjoni li żvolġiet f’dibattitu interessanti u jaħraq tal-Ġurnalist Ġermaniż Hajo Seppelt tal-ARD li tenna fuq l-importanza li wieħed jagħmel id-differenza bejn li tkun reporter u ġurnalist. Hu żvela fatt xokkanti fejn qal li minn wara li kien ħareġ bl-istejjer esklussivi li kixfu x-xibka ta’ sistema ta’ doping organiżżata fir-Russja hu spiċċa vittma ta’ attakki personali u anke ġie mhedded b’ħajtu.

Preżentazzjonijiet oħra saru mill-UEFA dwar il-kampjonat Ewropew tal-Nisa li se jsir fl-Olanda f’Lulju, il-kampjonati tadDinja tal-Judo li se jsiru f’Awwisu, u l-kampjonati tal-FISU.

Saru preżentazjonijiet ukoll mill-Moviment tal-iSpecial Olympics, mill-Federazzjoni tas-Sambo, l-IFBB, u l-FINA.

Il-Ġurnalisti tal-isport li kienu qed jirrapreżentaw ‘il fuq minn 100 pajjiż kellhom l-opportunita’ wkoll li jżuru l-impjanti sportivi u l-faċilitajiet kollha li ħafna minnhom huma diġa’ lesti ta’ Pyeongchang il-belt li se tkun qed tospita’ l-edizjoni tas-sena 2018 tal-Olimpijadi tax-Xitwa.

Dikjarazzjoni:

Il-Kungreess tal-AIPS intant fl-aħħar ġurnata għadda diversi dikjarazzjinijiet importanti fosthom talba formali lill-entitajiet internazzjonali sabiex ma jibqgħux jirristrinġu l-aċċess lill-media sportiva billi fost l-oħrajn jgħollu l-prezzijiet b’mod esaġerat tad-drittijiet televiżivi ta’ diversi dixxiplini sportivi.

Il-Kungress għadda rizoluzzjoni wkoll sabiex issir pressjoni fuq il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-Orgniżaturi tal-Gold Coast 2018 sabiex jirtiraw id-deċiżjoni li jitolbu ħlas immedjat (li hu wkoll esaġerat) għal min japplika għall-akkreditazzjoni sabiex jirraporta dan il-logħob.

Il-Kungress qabel li l-AIPS għandha taħdem ukoll sabiex tneħħi r-restrizzjoni imposta mill-KOI fuq dawk il-pajjiżi kandidati sabiex jospitaw fil-futur l-Olimpijadi fejn dawn mhux qed jitħallew jagħmlu preżentazjonijiet u fejn jispjegaw il-kandidatura ta’ pajjiżhom lill-ġurnalisti.

Il-Kungress għadda dikjarazzjoni wkoll sabiex il-FIFA u l-Federazzjoni tal-Football tar-Russja jeliminaw klawżola partikolari fil-formula ta’ akkreditazzjoni li qed jiffirmaw il- ġurnalisti tal-iSport li se jkun qed isegwu t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet iktar tard din is-sena u għat-Tazza tad-Dinja fl-2018. Din il-klawżola hi intimidatorja fil-konfront tal- ġurnalisti u qed tneħħilhom id-dritt assolut tal-liberta’ tal-espressjoni li hu dritt fundametali fil-professjoni ta’ ġurnalist.





Leave a comment