L-għajta ‘Birkirkara Xejn’… qed tonqos

Wednesday, May 5, 2010, 11:03

minn Josef Galdes

Min kien jemmen jew min kien jobsor f`Awwissu li għadda li Birkirkara fi tmiem dan l-istaġun li wasal biex jintemm kienu ser jerbħu dan il-kampjonat? Tiftakru x`ġara u kif bdew l-istaġun Birkirkara? Ser infakkarkom ftit.

Wara li s-sur Victor Zammit ma baqax President ta` Birkirkara tiftakru li postu ħadu s-Sur Carmelo Galea. Xi ħadd kien jagħmel pronostiku li Birkirkara ser jerbħu l-kampjonat? Iktar u iktar wara li Valletta u s-Sur Victor Schriha bdew jakkwistaw stilla wara oħra. Players bħal Terence Scerri li niftakru li l-istaġun li għadda kien l-aqwa scorer tal-kampjonat Premier. Players barranin bħal Declan O` Brien u Jordi Crujf, imma l-aqwa wieħed kien l-akkwist li l-Belt għamlu f`Michael Mifsud. L-aqwa player li għamel ħoss kbir mhux biss fil-football Malti iżda ukoll fil-football Barrani.

Valletta b`dawn l-akkwisti kollha kienu qishom r-Real Madrid ta` Malta. Sliema ukoll akkwistaw players tajbin li bihom setgħu joffru sfida qawwija lil kull team u l-konfronti diretti bejn il-Blues u l-Belt juri dan. Tinsewx li anki ċ-Champions tal-istagun li ghadda żgur li kienu bdew bħala favoriti għar-rebh tat-titlu, minkejja li neħħew diversi players.

Birkirkara mingħajr daqq ta` trombi u mingħajr akkwisti żejda rebħu kampjonat meritat. Għal min iħobb il-football u jsegwi din il-logħba tant sabiħa reġa kellu prova oħra ċara li mingħajr ħafna infieq żejjed ta` flus u mingħajr ħafna stillel fit-team, u minghajr stillel żejda fuq il-bank bilqiegħda jew 11 il-stilla jilgħabu tista’ terbaħ l-unuri.

Is-sigriet ta` Birkirkara kien wieħed u sempliċi, coach bravu u motivat u li kapaċi jimmotiva lill-players żgħażagħ. Din kienet il-problema li kien ser ikollu l- kumitat ta` Birkirkara, jew għallinqas hekk ħasbu. Hmmm problema sabiħa. Bniedem wieħed kien kapaċi jieħu dan il-post u jkun is-suċċessur ta` John Buttiegieg. Ħadd ħlief l-aqwa coach Malti li jipposjedi l-Football Malti jgħid x`jgħid kulħadd. Din il-persuna m`hi hadd hlief Pawlu Zammit.

Tiftakru meta rebħu l-kampjonat Marsaxlokk jien fil- Malta Football Awards ta` dik is-sena kont ivvutajt lil Pawlu Zammit li bix-xejn kien ġab lill-Belt fir-raba’ post bħala l-aqwa coach. Il-ġurnalisti u ħafna mill-pubbliku dħaktu bijja u għaddejtuni biż-żufjett dak inhar, imma naħseb li illum tajtuni raġun. Jekk le Pawlu Zammit tagħkhom din il-prova. Imma l-isbaħ waħda li kien hemm partitarji ta` Birkirkara li lili qaluli li mertu kbir imur għal John Buttigieg għaliex hu bnieh it-team. Vera hu bnieh it-team imma l-irkotti kbar li għamel Zammit dehru u kif.

Min stenna li wara li weġġa l-internazzjonali Malti George Mallia kien ser jidħol żagħżugh bħal Rowen Muscat. Kemm ilni insegwi l- Football Malti qatt ma rajt player fuq il-bank tas-sostituti jibki għax it-team qed jitlef din ġrat fil- famuża partita Hibs kontra Birkirkara li tibqa’ imfakkra għal ammont kbir ta` goals li gew skurjati. Il-player kien Joseph Zerafa.

Dan l-ikbar sigriet tar-raħal tat-tigri La voglia di vincere u li l-players jilgħabu għal flokk mhux għal flus biss. Xi ħaġa li l-partitarji beltin jinsabu urtati li fit-team tagħhom ftit hemm players li huma mill-Belt. Xi wħud jgħidu li huma t-team imlaqqat. Jien insejħilhom tanto fumo niente arosto jew aħjar ħafna ħelu u xejn sugu.

Ma nixtieqx li ninsa players bħal Shaun Bajada, Paul Fenech, Trevor Cilia u l-iskwadra kollha inklużi s-sostituti. L-iktar sostitut li baqa f`moħħi u li ammirajtu għal dan l-istaġun huwa r-reserve goalkeeper Omar Borg li minkejja li ftit lagħab dan l-istaġun kien ikun l-ewwel wieħed li jaqbez u jghola.

L-ahhar u mhux l-inqas lilkom partitarji Karkarizi li minkejja li wara kull rebha kontu tagħjjru lil kollega Sandro Micallef bit-titlu li ridtu intom, nghidilkom prosit tal- kuluri sbieh u bil- mod kif kontu titilgħu bi ħgarkom tissaportjaw lil benjamini tagħkom. Biss infakarkom li ma tridux tkunu baħrin tal-bnazzi biss. Grazzi talli segwejtuna dan l-istagun u nispera li terbħu kampjonat ieħor.

L-għajta Birkirkara Xejn qed tonqos għax il-Vetrina qed tintela!





3 Comments

  1. warren Bugeja says:

    Taqta daqs mus tal lehja Sur Galdes…

    [Reply]

  2. mark s says:

    Ejja Fl-ahhar glades bdejt tifhem fil-football . Dan l-artiklu jamel sens

    [Reply]

  3. Green says:

    inti zgur li le!!!

    [Reply]

Leave a comment