L-FMA toħroġ stqarrija flimkien mal-Segretat Parlamentari Chris Agius

Thursday, November 17, 2016, 21:27

Gavin Muscat

F’għeluq il-ħames sena mit-twaqqif tagħha, il-Futsal Malta Association nediet għall-ewwel darba kampjonat għat-tfal imsejjaħ FMA Futsal Festival.  L-ewwel edizzjoni se tkun immirata għal dawk it-tfal (subien u bniet) li twieldu bejn l-2004-2005 (U12/13). Għal dan il-kampjonat, l-FMA kellha konkorrenza tajba u l-format ġie diskuss flimkien mal-klabbs parteċipanti sabiex jiġi assigurat li jintlaħaq l-iskop prinċipali.

F’konferenza tal-aħbarijiet msejħa lbieraħ, is-Segretarju General tal-FMA, Claudio Azzopardi, spjega l-format u l-aspettattivi ta’ dan il-festival u rringrazzja lill-klabbs parteċipanti għas-sehem dirett fid-diskussjonijiet. Il-viżjoni finali tal-FMA hija li wara li tkun kattret il-logħba fis-settur tal-grassroots, timbarka fuq proġett ta’ Akkademja Nazzjonali tal-Futsal.

Il-President tal-Assoċjazzjoni, Mark Borg, tenna l-importanza tal-logħba bħala development game identifikata mill-FIFA u l-UEFA sabiex tikkomplimenta lil-logħba tal-futbol f’dak li huważvilupp ta’ ħiliet bażiċi, aġilità u teknika. Huwa spjega li l-kunċett tal-festival huwa wieħed li jdur mal-bżonnijiet tat-tfal u mhux bil-kontra, bl-iskop ewlieni jkun l-iżvilupp tekniku f’ambjent pjaċevoli mingħajr pressjoni żejda.

It-tfal se jkunu liberi li ja​għżlu ma liema klabb jilagħbu miegħu u jintrabtu biss għal dak l-istagun li jkunu qed jilagħbu fih.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius, feraħ lill-assoċjazzjoni tal-futsal li minkejja d-diffikultajiet f’dawn l-aħħar xhur, biex issib faċilitajiet għal-kompetizzjonijiet tagħha, kompliet taħdem biex tifrex il-logħba f’setturi ġodda.  Is-Segretarju Parlamentari, li kien strumentali sabiex jiġi estiż il-kuntratt ta’ Kordin, tenna l-impenn tiegħu sabiex fiż-żmien qarib il-futsal ikollu l-faċilitajiet iddedikati għal dan l-isport biex ilaħħaq mad-domanda kbira li teżisti.

Tkellem ukoll, John Schembri, Direttur ta’ Shield Security Consultants li huma sponsors ewlenin ta’ dan il-festival, li stqarr li huwa unur tiegħu u tal-kumpanija li jmexxi li jikkollaboraw f’dan il-progett ambizzjuż.

​Tmien timijiet applikaw għall-ewwel edizzjoni tal-FMA Futsal Festival. Dawn huma il-Luxol, Sliema, Żebbuġ, Mosta, Pieta, M`Xlokk, Balzan u l-Malta Futsal School. Il-logħob ser isir kollu nhar ta’ Tlieta fil-Padilljun tal-Basketball f’Ta’ Qali kif ukoll fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, f’Pembroke.





Leave a comment