L-ewwel test pożittiv għall-Beltin

Monday, August 19, 2013, 13:09

Valletta ………2
Mosta ………..1

Il-Beltin bdew l-istaġun uffiċjali 2013/2014 b’rebħa stretta ta’ 2-1 kontra l-Mostin minkejja lagħbu għal 50 minuta b’raġel inqas.
Valletta kellhom aktar mill-okkażjonijiet lejn il-lasti ta’ Omar Borg għalkemm il-Mosta ma qagħdux iħarsu u sfurzaw diversi tentattivi sabiex jissorprendu lid-difiża Beltija.
Il-Mostin immexxija minn Danilo Doncic kellhom xejn inqas minn ħames barranin ġodda fit-tim tagħhom li jistgħu jagħtu l-kontibut tagħhom f’dan l-istaġun. L-aħjar fosthom kien Christian Fernandes li ta s-sehem tiegħu b’mod mill-aktar pożittiv f’din il-logħba.
Għat-tim Belti reġa spikka il-barrani Hamza Barry li spiċċa rebaħ it-titlu ta’ l-aqwa plejer tal-logħba mill-ġurnalisti preżenti.
Ic-City marru fil-vantaġġ fit-32 minuta meta wara passaġġ ta’ Aziz Corr Nyang, kien DENNI ROCHA DOS SANTOS li mess il-ballun bi preċiżjoni sabiex tefa’ l-ballun fix-xibka.
Fl-40 minuta, il-Beltin ħadu daqqa ta’ ħarta meta tkeċċielhom Edmond Agius wara li waqqa’ lill-plejer mil-Liberja Joel Sunny Boy Toe.

Fit-tieni taqsima, minkejja li b’raġel inqas, il-Beltin baqgħu jagħfsu lid-difiża Mostija b’tentattivi ta’ Hamza Barry u YESSOUS CAMILLERI. Fil-51 minuta dan tal-aħħar kellu l-ewwel xutt imblukkat minn plejer Mosti sabiex mir-ribawnd irdoppja għall-Beltin sabiex skorja l-ewwel gowl personali tiegħu f’dan il-Kampjonat.
Lejn it-tmiem il-Mosta għamlu l-iskor aktar rispettabbli meta s-sostitut JAMES BRINCAT għeleb lit-Taljan Marino bejn il-lasti ta’ Valletta b’xutt mill-viċin.





Leave a comment