L-ewwel suċċess għal Hibernians

Monday, February 12, 2018, 16:44

Tazza Louis Borg Irġiel

minn Colin Schembri

Hibernians 79

Bupa Luxol 61

(24-9)(24-10)(11-17)(20-25)

Fl-ewwel finali, Hibs ħadu vantaġġ tajjeb ta’ 18 –il punt meta ħarġu rebbieħa 79-61 kontra Bupa Luxol. Il-vantaġġ immaterjaliżża b’mod partikulari fl-ewwel żewġ sessjonijiet tal-partita f’ħin fejn l-attakk ta’ Luxol ma bediex jiffunzjona u d-difiża kienet pjuttost laxka fejn ippermettiet lit-twal ta’ Luxol li jieħdu diversi offensive rebounds u jagħmlu l-punti. Roderick Vella ma rkuprax għal din il-finali u aktar kmieni fil-ġurnata weġgħu Paul Attard u Kurt Sultana f’partita tat-tieni diviżjoni. Luxol kellhom nieqes lil Andrew Micallef Trigona. Kienu Hibs li għamlu l-ewwel sitt punti tal-partita fosthom trippla ta’ Chad Patus. Luxol irrispondew b’run ta’ 7-0 minn William Ahlberg u trippla ta’ Kyle Meyer li poġġiethom għall-unika darba fuq quddiem tul il-partita. Minn hemm ‘l quddiem il-partita kienet f’idejn Hibs li għamlu break ta’ 18-2 b’diversi punti minn Marco Matijevic li wkoll kellhu trippla flimkien ma’ Alvaro Lizaur biex temmew is-sessjoni fuq quddiem 24-9. Ir-reazzjoni ta’ Luxol ma waslitx biex fit-tieni perjodu l-Pawlisti komplew iżidu l-vantaġġ fejn fost l-oħrajn kellhom it-three pointers minn Simon Attard u Patus flimkien ma’ aktar punti ta’ Matijevic u Anton Axiaq. Luxol finalment wieġbu b’żewġ trippli ta’ Ahlberg però Hibs fetħu vantaġġ ta’ 29 punt fil-halftime 48-19.

Wara l-intervall Luxol urew aktar grinta hekk kif Ahlberg ħa l-attakk f’idejh u waħdu għamel run ta’ 12-2 b’żewġ three pointers biex naqqas l-iżvantaġġ għal 19 –il punt 50-31. Hibs irkupraw u kellhom il-punti ta’ Patus li kellhu trippla oħra biex it-taqsima ntemmet bil-Hibs fuq quddiem 59-36. Fl-aħħar perjodu, l-vantaġġ ta’ Hibs reġa’ kiber għal 23 punt 67-44  qabel ma Luxol għamlu sforz ieħor biex jersqu viċin u għamlu dan għal darb’oħra permezz ta’ Ahlberg flimkien ma’ CJ Cordina. Lejn it-tmiem, Hibs għalqu bit-three pointers minn Lizaur u Attard biex rebħu l-partita 79-61 u fetħu vantaġġ ta’ 18 –il punt għat-tieni logħba.

Hibernians: L. Farrugia, S. Attard 9, I. Bonnett, L. Tardito, A. Axiaq 8, M. Matijevic 17, A. Lizaur 22, F. Mariani, C. Patus 23.

 

Bupa Luxol: CJ Cordina 6, M. Sjoberg, N. Vasovic 2, J. Mellilo, JP Schembri 2, K. Dimech 4, W. Ahlberg 38, K. Meyer 9.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Kamil Dworniczak.

Bupa Luxol 80

Hibernians 67

(20-17)(15-15)(24-16)(21-19)

Aggregate 146-141

Bupa Luxol għal ftit ma rnexxielhomx jagħmlu dak li deher diffiċli ferm sa’ 24 siegħa qabel meta sar-raba’ minuta tal-aħħar taqsima irnexxielhom iġibu d-distakk ta’ 18 –il punt li fetħu bih f’din il-partita. Però l-isforz kien qawwi ferm u hekk kif tilfu lil CJ Cordina bil-ħames foul, Hibs approfittaw u ħadu nifs qawwi biex rebħu t-tazza Louis Borg għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom b’aggregate ta’ 146-141. Din kienet it-tielet finali dan l-istaġun bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn Luxol rebħu s-Super Cup fil-waqt li Hibs kienu rebħu s-Shield. Luxol irkupraw lil Andrew Micallef Trigona fil-waqt li Hibs irkupraw lil Kurt Sultana però Roderick Vella u Luke Farrugia baqgħu neqsin. Luxol fetħu qawwi sa’ mill-ewwel ħinijiet fejn kellhom it-three pointers minn William Ahlberg u Jean Paul Schembri  sa nofs it-taqsima kienu diġa 14-3 minn fuq biex naqqsu l-iżvantaġġ bl-aggregate għal 7 punti. Hibs irkupraw u huma wkoll kellhom it-three pointers tagħhom fejn għamlu erbgħa wara xulxin minn Simon Attard u Chad Patus biex Luxol temmew il-perjodu 20-17 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Luxol kabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Keith Dimech qabel ma Hibs wieġbu permezz ta’ Alvaro Lizaur u Marco Matijevic. Luxol għamlu żewġ trippli oħra minn Schembri u Dimech però sabu lil Anton Axiaq jirrispondi għal Hibs flimkien ma Matijevic u Lizaur biex fl-intervall il-vantaġġ ta’ Luxol baqa’ ta 3 punti 35-32 però bl-aggregate kienu għadom 15 minn taħt.

Fit-tielet sessjoni kien CJ Cordina li beda jikseb punti

Ritratt: Wally Galea

kontinwi għac-champions fejn kellhu żewġ three pointers flimkien m’oħra ta’ Ahlberg. Hibs però baqgħu viċin speċjalment bil-punti ta’ Lizaur iżda qabel intemmet it-taqsima, Luxol għamlu run ta’ 9-2 biex reġgħu marru 11 minn fuq 59-48.  L-isforzi ta’ Luxol laħqu l-qofol tagħhom fil-bidu tar-raba’ taqsima. Huma bdew b’run ta’ 9-2 kważi kollha mill-Amerikan Meyer biex ippareġjaw l-aggregate b’vantaġġ ta’ 18 –il punt 68-50. Simon Attard wieġeb bi trippla għal Hibs iżda Luxol komplew u punti minn Ahlberg saħansitra poġġewhom basket minn fuq bl-aggregate hekk huma ħadu vantaġġ t’20 punt 75-55. Hawn però spiċċa fouled out Cordina u minfloku daħal Micallef Trigona li kkometta 4 fouls fosthom wieħed tekniku u sensiela ta’ free-throws minn Lizaur u trippla ta’ Farrugia reġgħu raw lil Hibs inaqqsu d-distakk għal 11 –il punt 76-65 però bl-aggregate kienu minn fuq. Luxol ippruvaw iwaqqfu l-arloġġ però Farrugia u Lizaur għamlu l-free-throws biex Luxol ħarġu rebbieħa 80-67 però bl-aggregate Hibs rebħu t-tazza 146-141. Fin-nuqqas tal-President Emeritu tal-MBA is-Sur Louis Borg, kien is-Segretarju Ġenerali Joseph Muscat li fi tmiem il-partita ppreżenta l-midalji u t-tazza lil captain ta’ Hibs Marco Matijevic fost il-ferħ tal-parititarji li ċċelebraw is-suċċess doppju f’din il-kompetizzjoni wara r-rebħa tat-team tan-nisa aktar qabel.

Bupa Luxol: CJ Cordina 13, M. Sjoberg, N. Vasovic 2, J. Mellilo, JP Schembri 14, K. Dimech 13, W. Ahlberg 20, K. Meyer 16, Andrew Micallef Trigona 2.

 

Hibernians: K. Sultana, L. Farrugia 9, S. Attard 9, I. Bonnett, A. Axiaq 11, M. Matijevic 9, A. Lizaur 20, F. Mariani, C. Patus 9.

Referees: Nicky Azzopardi, Tuomas Mantere, Ivica Simic.





Leave a comment