L-ewwel rebħa ta’ Starlites u jerbħu wkoll Balkan, Hibs u Depiro

Monday, December 4, 2017, 17:45

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Victoria Libertas 65

Starlites GIG 71

(17-11)(11-22)(17-15)(20-23)

Starlites kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat meta fi tmiem ta’ partita kumbattuta għelbu lil Victoria Libertas 71-65. Libertas kellhom nieqes lil Vladimir Barbu fil-waqt li Miguel Vella kien nieqes għal Starlites. Libertas fetħu bi trippla ta’ Nicolo Petrucci u fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 13-5 wara baskets minn Emanuel Lupo u David Agius. Iż-żewġ timijiet kellhom żewġ baskets oħra u Libertas temmew il-perjodu 17-11 minn fuq. Starlites irkupraw fil-ftuħ tat-tieni perjodu meta kellhom run ta’ 12-0 bi trippla ta’ Ian Felice Pace flimkien ma’ Matthew Scerri. Libertas ġew lura bil-punti ta’ Petrucci u Lupo u għamlu l-aħħar ħames punti tas-sessjoni biex fl-intervall Starlites kienu 5 minn fuq 33-28.

Fit-tielet sessjoni ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin. Libertas kellhom il-punti ta’ Lupo għalkemm Starlites wieġbu bi trippla ta’ Isaac Pace biex baqgħu 8 punti minn fuq 46-38. Libertas għamlu sitt punti mingħajr risposta biex waslu sa’ basket ‘l bogħod però punt i ta’ Miguel Falzon  raw lil Starlites itemmu t-taqsima fuq quddiem 48-45. Fl-aħħar perjodu, Starlites kellhom it-trippli minn Mirco Azzopardi u Felice Pace però Lupo kien f’burdata tajba u żamm lil Libertas viċin. Starlites komplew b’run ta’ 10-2 u marru 9 minn fuq 66-57. Libertas reġgħu wieġbu għal darb’oħra permezz ta’ Lupo. Huma ppruvaw iwaqqfu l-arloġġ però Scerri għamel l-aħħar free-throws wara technical fouls kontra Libertas u Starlites rebħu l-partita 71-65.

Victoria Libertas: D. Garcia 2, M. Farrugia 4, M. Sammut, K. Galea, N. Petrucci 11, S. Mizzi, P. Caruana, D. Miani 4, E. Lupo 32, D. Agius 8, B. Soler 4.

Starlites: O. Psaila, M. Azzopardi 9, L. Vella, I. Felice Pace 10, M. Scerri 20, M. Falzon 19, J. Attard 2, I. Pace 5, J. Wait 4, A. Xuereb, A. Schembri 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi.

Siġġiewi 32

Balkan Fusion 73

(5-16)(8-17)(8-21)(11-19)

Balkan Fusion kellhom rebħa faċli fuq Siġġiewi 73-32 biex ħadu t-tieni rebħa tal-kampjonat. Siġġiewi kellhom aktar players neqsin fejn din id-darba kien nieqes ukoll JP Antoncic flimkien ma’ Gabriel Agius, Konstantinos Arvanitakis u Joshua Anastasi. Balkan kienu mingħajr Slavko Opojevlic u fetħu b’run ta’ 7-0 bi trippla ta’ Sergi Jorben. Wara li Roberto Alosco għamel l-ewwel punti ta’ Siġġiewi, Balkan komplew bi trippla oħra ta’ Jorben u punti ta’ Nenad Bukva u Nicola Stankovic biex temmew l-ewwel taqsima 16-5 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Siġġiewi naqqsu d-distakk wara punti minn Hubert Agius u Alex Novakovic iżda Balkan komplew bi break ieħor ta’ 10-0 b’aktar punti ta’ Stankovic. Wara li Siġġiewi kellhom żewġ baskets minn Agius u Lee Grech, Balkan għalqu l-perjodu bi trippla ta’ Zika Stankovic biex daħlu jistrieħu 33-13 minn fuq.

Wara l-intervall, Balkan baqgħu fil-kontroll tal-partita fejn għaqqdu break ieħor ta’ 15-2 bi trippla ta’ Bogdan Ilic u l-punti ta’ N. Stankovic. Siġġiewi waqqfuhom b’sitt punti mingħajr risposta, kollha minn Agius però Balkan għamlu l-aħħar zewġ baskets, mill-ġdid minn Stankovic għal skor ta’ 54-21. Fl-aħħar taqsima l-partita baqgħet bl-istess andament fejn Balkan bdew b’run ta’ 9-0 bil-baskets ta’ Uros Lasic u trippla ta’ Nemanja Radicevic. Wara punti fuq kull naħa, Balkans għamlu run oħra ta’ 8-0 biex ħarġu rebbieħa 73-32.

Siġġiewi: J. Carter, L. Grech 3, H. Agius 20, R. Alosco 5, A. Baldacchino, C. Bezzina, R. Camilleri, A. Novakovic 2, O. Shamala 2.

Balkan Fusion: N. Radicevic 5, M. Hernandez 4, B. Ilic 5, I. Kumric 6, S. Opojevlic 2, S. Jorben 8, Z. Stankovic 7, U. Lasic 8, N. Bukva 6, V. Lekovic, N. Stankovic 22.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi.

Hibs 70

Marvels Power Plus 61

(14-10)(17-16)(19-14)(20-21)

Hibs kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat meta għelbu lil Marvels Power Plus 70-61. Kif juri l-iskor il-partita kienet kumbattuta u Marvels taw sfida denja fejn għal ħin twil żammew il-pass mall-avversarji minkejja li kellhom erba’ players regolari nieqsa. Wara tlett baskets fuq kull naħa għal skor ta’ 6-6, Hibs kellhom break ta’ 8-0 bi trippli ta’ Kieron Caruna u Isaac Bonett. Marvels għamlu l-aħħar żewġ baskets minn Christian Briffa għal skor ta’ 14-10. Fit-tieni perjodu, Hibs kellhom il-punti ta’ Luca Tardito u Paul Attard biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 26-18. Marvels naqqsu d-distakk għal 4 punti 22-26, iżda Hibs irrispondew bil-punti ta’ Caruana li kellhu trippla oħra biex daħlu jistrieħu 31-26 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Marvels bdew bil-punti ta’ Nicolo Guida biex naqqsu d-distakk għal basket 29-31. Hawn Hibs kellhom mument tajjeb bi break tajjeb ta 14-2 b’żewġ trippli minn Caruana u Bonett. Hibs marru 14 minn fuq 48-34 però Marvels ma ċedwx u reġgħu daħlu fil-partita wara punti ta’ Guida fosthom tripppla għal skor ta’ 50-40. Fl-aħħar taqsima, li offriet total ta’ 41punt, iż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom. Bdew Hibs bi break ta’ 9-2 bil-Marvels jirrispondu mill-ġdid permezz ta’ Briffa u Guida u reġgħu waslu sa’ 10 punti ‘l bogħod. Caruana għamel 5 punti konsekuttivi u wara li Hibs reġgħu marru 17 minn fuq 70-53, Marvels għamlu l-aħħar sforz li ssarraf fi break ta’ 8-0 fosthom trippla finali ta’ Guida biex Hibs rebħu l-partita 70-61.

Hibs: M. Formosa 3, K. Caruana 25, P. Attard 7, I. Bonnett 17, J. Debono 2, J. Piscopo 2, K. Sultana 2, E. Xuereb 3, M. Buhagiar, L. Tardito 9.

Marvels Power Plus: G. Borg, N. Guida 26, R. Curmi 5, D. Debattista 2, A. Morris, C. Briffa 17, D. Borg 2, A. Toompere 9.

Referees: Nicky Azzopardi, Kamil Dworniczak.

Depiro 71

Gżira Athleta 64

(19-15)(15-20)(20-7)(17-22)

Depiro u Gżira Athleta għalqu t-tieni ġurnata tal-kampjonat bid-Depiro jieħdu t-tieni rebħa tagħhom. Għall-Athleta kienet l-ewwel partita tagħhom u kellhom nieqes lil Mark Cilia. Depiro kienu mingħajr Myron Agius, Andrew Magri u Marko Zloh però rritorna Kurt Xuereb. Depiro fetħu tajjeb meta kellhom il-punti ta’ Matthew Borg li kellhu tlett three pointers u ieħor minn Nicholas Grech biex marru 15-8 minn fuq. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Francesco Mifsud Bonnici u trippla ta’ Luca Stefanovic għal skor ta’ 19-15. Fit-tieni perjodu, Depiro żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Jack Nygaard però Athleta kellhom risposta minn Mifsud Bonnici u Miguel Gauchi Montaldo. Depiro baqgħu fuq quddiem bil-baskets ta’ Xuereb bl- Athleta jibqgħu viċin u jdawwru l-iskor fl-aħħar attakk bi trippla ta’ Nathan Xuereb 35-34.

Fit-tielet sessjoni, Depiro reġa’ kellhom bidu tajjeb meta għamlu run ta’ 13-0 bi three pointers minn Xuereb, Nygaard u Andy Attard. Minkejja li kellhom żvantaġġ ta’ 12 –il punt, Athleta reġgħu ġew lura bi trippla ta’ Stefan Vincic però Nygaard ukoll għamel trippla għal Depiro biex żammew vantaġġ ta’ 12 –il punt 54-42. L-aħjar mument tal-Athleta wasal fir-raba’ taqsima meta Depiro bdew jagħġġlu u jitilfu l-pussess tal-ballun malajr. Il-players ta’ Peter Farrugia kellhom run ta’ 15-2 bi trippli ta’ Xuereb u Vincic u marru punt minn fuq 57-56. Depiro rkupraw u trippla ta’ Xuereb fetħitilhom run ta’ 11-2 biex reġgħu marru 8 minn fuq 67-59. Huma kkontrollaw l-aħħar ftit ħin tal-logħba u minkejja l-aħħar sforzi tal- Athleta, Depiro żammew il-vantaġġ sat-tmiem biex Depiro ħadu t-tieni rebħa 71-64.

Depiro: J. Vibe, E. Briffa 1, A. Attard 8, N. Grech 8, J. Camilleri, K. Xuereb 14, M. Borg 15, R. Xuereb 2, J. Nygaard 23, M. Debattista.

Gżira Athleta: J. Caruana, F. Mifsud Bonnici 13, L. Stefanovic 7, M. Gauchi Montaldo 14, N. Xuereb 13, J. Aquilina, K. Schembri, S. Vincic 17, J. Ransley.

Referees: Igor Marjanovic, Kamil Dworniczak.





Leave a comment