L-ewwel rebħa għall-għawwiem żagħżugħ Thomas Woods u t-tieni waħda għal Sarah Demicoli

Saturday, August 1, 2020, 7:13

It-tieni tellieqa tal-Kampjonat Garmin BSJ Open Water saret nhar l-Erbgħa 29 ta’ Lulju fis-Salina. Ħamsa u sebgħin għawwiem ħadu sehem u nqasmu fi tliet gruppi bbażati fuq ir-riżultat tat-tellieqa ta’qabel.

It-tellieqa ta’ żewġ kilometri kienet imqassma fuq korsa trijangulari li tikkonsisti f’żewġ dawriet fil-Bajja tas-Salina.

It-tellieqa tal-irġiel kienet dwell bejn l-għawwiema ta’ taħt is-17-il sena Andre Camilleri u Thomas Woods li mill-bidu nett ħadu t-tmexxija. Camilleri u Woods kienu pjuttost ferm ras imb’ ras matul it-tellieqa imma spinta minn Woods lejn it-tmiem, waslitu biex rebaħ l-ewwel tellieqa tiegħu b’erba’ sekondi vantaġġ fuq Camilleri. Iż-żewġ għawwiema taw prestazzjoni mill-aqwa, bit-tnejn li huma rreġistraw titjieb fuq il-ħin tal-ġimgħa ta’ qabel. Fit-tielet post daħal Stefano Debono Grech li l-ġimgġa l-oħra naqas milli jieħu it-tielet post meta ġie megħlub, bi ftit sekondi, minn Luca Vella. Din il-ġimgħa, il-postijiet inqallbu u Vella kiseb ir-raba’ post.

Sarah Demicoli kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha, billi rreġistrat titjieb ta’ ħames sekondi mill-ħin tal-ġimgħa li għaddiet. Demicoli ġiet segwita minn Kelsey Borg, li dehret għall-ewwel darba fuq il-podju tal-Kampjonat, filwaqt li Martina Micallef, li fl-ewwel tellieqa kisbet it-tieni post,  ħadet it-tielet post fuq il-podju. Micallef ukoll irreġistrat titjieb fil-ħin tagħha.

Fost l-għawwiema, kien hemm iż-żagħżugħ Jake Vella li kellu l-ewwel dehra tiegħu f’tellieqa wara li għamel xi żmien fl-isptar.

Il-Midalji ġew ippreżentati minn Mark Gaglione, li jirrappreżenta lil Medcomms Ltd li huma aġenti esklussivi ta’ Garmin bħala sponsors ewlenin tat-tellieqa u Robert Vella, li rrappreżenta lil proteinmalta.com li appoġġjaw il-Kampjonati.

Id-data tat-tielet tellieqa tal-Kampjonat Garmin BSJ Open Water se tkun imħabbra fuq il-paġni tal-Media Soċjali tal-Klabb fil-jiem li ġejjin. Registrazzjoni jsiru online fuq is-sit elettroniku https://bkarastjoseph.com/.  Ma jiġux aċċettati reġistrazzjonijiet fuq il-post.

Garmin BSJ Open Water Swimming Championship Riżultati – Tieni Tellieqa

  Irġiel Nisa
1st Thomas Woods (23:48) Sarah Demicoli (25:57)
2nd Andre Camilleri (23:52) Kelsey Borg (26:46)
3rd Stefano Debono Grech (26:19) Martina Micallef (27:36)




Leave a comment