L-ewwel partita tat-tieni edizzjoni tal-AME Cup

Tuesday, July 23, 2013, 9:50

Ilbieraħ fil-grawnd tas-Sirens f’San Pawl il-Baħar, kellna l-ewwel żewġ partiti minn Grupp A tal-AME Cup.  Fl-ewwel partita Balzan ħarġu rebbieħa fuq Naxxar Lions bl-iskor ta’ 8-6 wara l-għoti tal-penalties.  Il-kundizzjoni tal-grawnd kienet tajba ħafna iżda x-xemx tiżreġ u s-sħana qawwija fis-6:30 ta’ filgħaxija ma tantx niżlet tajjeb għall-plejers u għal min kien qed isegwi l-partita.  It-temperatura għoliet sew tant li kellna waqtiet fejn it-tensjoni fuq il-plejers inħasset ferm u anki kien hemm konfrontazzjoni bejniethom.  F’dan il-ħin ir-referee kellu joħroġ il-karta s-safra lill-plejer minn kull naħa, fejn ħafna kienu tal-fehma li kellu jagħtihom saħansitra l-karta l-ħamra.

Kienu Naxxar Lions li fetħu l-iskor kmieni fil-partita, fir-raba’ minuta permezz ta’ Givaldo Silva Dos Santos u minuta biss wara permezz ta’ Andrew Decesare.  Fit-tlettax –il minuta Balzan naqqsu d-distakk meta Lydon Micallef għeleb għall-ewwel darba lill-gowler Naxxari.  Tliet minuti biss wara, fis-sittax –il minuta, Naxxar reġgħu skurjaw permezz tal-akkwist ġdid tagħom mingħand Ħamrun, il-plejer veteran Terence Scerri.

Fit-tieni taqsima Balzan ħarġu aktar offensivi u skurjaw darbtejn biex ġabu d-draw.  Fid-49 minuta l-plejer Norveġiz Kai Risholt b’daqqa ta’ ras poġġa l-ballun fix-xibka u fl-54 minuta Firas Aboullez skurja l-aħħar gowl għal Balzan.  Balzan kellhom ċans tajjeb li jiġu 4-3 meta Jose Luiz Negrin falla minn penalty wara salvataġġ sabiħ tal-gowler Julian Azzopardi.

Għalhekk l-iskor finali wara d-90 minuta kien ta’ 3-3 u kellna nassistu għall-għoti tal-penalties.  Għal Balzan ġew skurjati ħames penalties minn ħamsa permezz ta’ Fabio Vignaroli, Aaron Agius, Erjon Beu, Lydon Micallef u Jose Luiz Negrin.  Filwaqt li għal Naxxar Gilbert Camilleri falla l-ewwel penalty u t-tlieta l-oħra ġew skurjati minn Pablo Doffo, Jurgen Debono u Thiago Lopes De Souza.





Leave a comment