L-ewwel masterclass ta’ Ying Qi Gong f’Malta

Thursday, August 25, 2016, 16:42

Gavin Muscat

Masterclass dwar Ying Qi Gong, tip ta’ arti marzjali li ma tantx hi daqshekk  magħrufa hawn Malta, ingħatat mill-Gran Mastru Daniele Zanni, bl-appoġġ tad-dixxiplu tiegħu Leonardo Barilaro, fiċ-ċentru Deep Med Yoga and Freediving Center, immexxi minn Lyndsay Bilodeau u Fabrice Bonello du Pui. Id-dixxiplina Ying Qi Gong tiżviluppa s-saħħa mentali, ittejjeb s-saħħa inġenerali, u fl-istess waqt iżżid il-prestazzjoni atletika permezz ta’ taħriġ fl-enerġija vitali.

“Qi” taħdem fuq livelli differenti ta’ ‘awto-kuxjenza’ (self-awareness). Is-sessjonijiet tal-masterclass servew biex ittejjbu l-iffukar, ir-rilassament, is-saħħa inġenerali u l-prestazzjoni atletika tal-parteċipanti permezz taċ-ċirkolazzjoni tal-”Qi”. Sar ukoll taħriġ tan-nifs li jgħin jiżviluppa s-sensi tal-ġisem. It-teorija  “Qi” tinvolvi aspetti fosthom ta’ kif persuna tħoss kif ukoll il-kontroll tal-individwu, filwaqt li ssaħħaħ l-enerġija vitali. L-iċċentrar, il-ħolqien ta’ struttura, il-pożizzjonament tas-saqajn, it-taħriġ “tan tien” u ċ-ċiklu tan-nifs għenu fl-allinjament tal-persuna. It-taħriġ utilizza elementi fundamentali tal-freediving, fejn il-parteċipanti tgħallmu kif jagħmlu eżeċizzju bbażat fuq rilassament permezz ta’ teħid ta’ nifs kumpressat u kif jekonomizzaw l-enerġija. Wara sessjoni ta’ seba’ sigħat, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jaraw l-effetti tat-taħriġ fl-ilma.

Imwieled l-Italja fl-1952, il-Gran Mastru Daniele Zanni beda it-taħriġ tiegħu fl-arti marzjali fil-bidu tas-snin sebgħin. Ilu sa mill-1986 iżur iċ-Ċina ta’ spiss, biex, flimkien ma’ Masters famużi bħal Kan Gui Xiang, Xu Hao, Zhang Heng u Liu Yu Ping, jistudja l-Wushu Kung Fu, TaiQi Quan, Qi Gong, fost stili oħra,. Studja wkoll il-mediċina Ċiniża u l-lingwa Ċiniża fl-Università ta’ Liao Ning Da Xue f’Sheng Yang City

Illum-il ġurnata, il-Gran Mastru Daniele Zanni jħarreġ, jgħallem u jikkollabora ma’ ħafna assoċjazzjonijiet ta’ Wushu biex jgħin ikabbar l-għarfien u jiżviluppa l-Arti Marzjali Ċiniża fl-Italja. Jorganizza attivitajiet, jipprepara atleti għall-kompetizzjonijiet, filwaqt li qed ikompli jistudja ma’ masters oħrajn. Hu jokkupa l-kariga ta’ president u direttur tekniku ta’ A.S.D. White Tiger f’Modena, u hu referi internazzjonali tal-arti marzjali.

Aktar tagħrif dwar Ying Qi Gong jinkiseb b’imejl lil info@deepmedcentre.com jew permezz tat-tel: +356 9994 7893

Daniele Zanni





Leave a comment