L-ewwel kompetizzjoni tal-‘Bouldering’ ġewwa Malta

Monday, February 28, 2011, 16:38

Il-‘Malta Climbing Club (MCC) għandu l-pjaċir iħabbar illi l-ewwel kompetizzjoni tal-‘Bouldering’ ġewwa Malta sejra ssir f’Wied Mixta (magħruf ukoll bħala Wied Ħasan) fin-nofsinhar tal-gżira Maltija, viċinanzi ta’ Għar Ħasan.  Id-data tkun 26 ta’ Frar.

It-terminu ‘Bouldering’ huwa bla dubbju ġdid għal ħafna nies – ‘Bouldering’ huwa tip ta’ ixxabbar mal-blat li huwa ipprattikat f’għoli pjuttost żgħir mill-art, mingħajr ebda  użu ta’apparat – sempliċiment jintużaw ‘climbing shoes’ kif ukoll borza żgħira mimlija bit-trab tal-ġibs sabiex dan jixxotta l-għaraq ta’ bejn is-swaba u hekk jiżgura qabda massima saħansitra fuq xquq pjuttost ċkejknin.  Ix-xabta ħafna drabi tikkonsisti minn sekwenza qasira ta’ movimenti iebsin li jirrikjedu stil, teknika u qawwa sabiex wieħed jirnexxilu jegħleb kull problema jew rotta li jiltaqa’ magħha.

Bil-għajnuna tal-Awtorita Maltija tat-Turiżmu, ix-xabbatur u alpinista magħruf Ingliż (iżda imwieled fil-gżira Għawdxija) , Stevie Haston, għandu jasal Malta sabiex jattendi dan l-avveniment speċjali.  Is-Sur Haston aċċetta bil-qalb din l-istedina għaliex sa tippermettilu wkoll jerġa’ jara art twelidu.  Omm Steve hija Għawdxija.  Steve għadu jiftakar ħafna żmien tfulitu fil-gżira Għawdxija, jiġġerra madwar l-għelieqi, l-għoljiet u  s-sisien.

Stevie Haston in action

Stevie Haston in action

Bla dubbju ta’ xejn dan l-avveniment sejjer jipprovdi opportunita sabiex is-Sur Haston juri t-talent kbir tiegħu fl-ixxabbar. Dan it-talent għamel lil Steve leġġenda ħajja fost il-komunita globali ta’ l-ixxabbar.  Is Sur Steve Haston sejjer jagħmel ukoll preżentazzjoni bis-slajds fil-Kwartieri Ġenerali ta’ l-iskawts ta’ tas-Sliema (Triq Depiro) fis-26 ta’ Frar fit-tmienja ta’ fil-għaxija.  Dan ikun ta’ interess speċjali lix-xabbaturi kollha lokali kif ukoll lill-pubbliku ġenerali. Ċertament illi din sejra tkun okkażżjoni mhux ta’ min jitlifha. 

Matul il-kompetizzjoni, ix-xabbaturi sejrin jippruvaw jitilgħu l-ikbar numri ta’ rotot.  Fl-istess ħin huma sa jippruvaw inaqqsu kemm jistgħu li jfallu f’dawn l-istess attentati !  Dak ix-xabbatur li jirnexxilu jikserb l-ikbar numri ta’ punti jiġi dikjarat bħala rebbieħ tal-kompetizzjoni.

Il-membri tal-pubbliku huma mħeġġa sabiex jattendu għal dan l-avveniment u b’hekk jaraw b’għajnejhom f’hix jikkonsisti dan l-isport.

Il-‘Malta Climbing Club’ (MCC) huwa l-ikbar klabb tal-ixxabbar f’Malta u Għawdex b’iktar minn 80 membru, kemm Maltin kif ukoll barranin.  Dan il-klabb jiġbor flimkien lil dawk kollha, Maltin u barranin,  li huma interessati fix-xena tal-ixxabbar f’dawn il-gżejjer.  Il-klabb ikopri kull qasam tal-ixxabbar, kemm ‘bouldering’, ‘leading’ tradizzjonali, ixxabbar sportiv, alpiniżmu u ‘mountaineering’.

Il-MCC qiegħda tippromovi dan l-isport lokali billi twassal lil dawk kollha li għadhom fil-bidu tiegħu billi b’mod sigur jirnexxielhom iduqu ftit mis-sbuħija tiegħu f’xi wħud mill-isbaħ lokalitajiet ta’ l-ixxabbar li għandna f’Malta u Għawdex.  Il-MCC jagħmel użu wkoll minn ‘Climbing Wall’ li permezz tiegħu il-prinċipjant ikun jista’ jitgħallem u jipprattika ħiliet ta’ l-ixxabbar.  Esperti jgħinu wkoll sabiex wieħed itejjeb is-saħħa u t-teknika tiegħu.

Membri tal-MCC jinkludu magħhom l-ewwel xabbaturi li telgħu l-Everest kif ukoll xabbaturi veterani lokali li bdew dan l-isport ġewwa Malta fis-snin sittin.

Il-kumitat organizzattiv tal-MCC jixtieq jirringrazzja lil dawn l-isponsors ta’ dan l-avveniment :

Organizzazzjoni tat-Turiżmu Maltija, HILTI, Panta Lesco, Bowline Outdoor and Adventure Shop, Wallrats, Gold Lady Jewellery, Papillon Caterers, Sign-It.

http://www.youtube.com/watch?v=s2xAM7EkySg

Xabbaturi ta’ kull abilita li jinkludu dawk prinċipjanti huma mistiedna li jieħdu sehem kif ukoll jittestjaw lilhom infushom kemm dwar il-problemi varji li jiltaqgħu magħhom fil-widien kif ukoll fejn tidħol il-ħila ta’ bejniethom!  Premjijiet attrajenti qed jiġu offruti.  Għalhekk inħeġġukom sabiex timmarkaw din id-data fid-djarji tagħkom u tattendu għal dan l-avveniment.





Leave a comment