L-ewwel ġurnata tat-Tour ta’ Malta 2016

Friday, March 18, 2016, 14:50

Gavin Muscat

L-ewwel ġurnata tat-22 Edizzjoni tat-Tour ta’ Malta tac-Ċikliżmu, bis-sehem ta’ ċiklisti ġejjin minn ħames klubbs lokali flimkien m’ erbatax oħra barranin, ġabet sodisfazzjonijiet kbar mic-ċiklisti Maltin.

Fuq distanza ta’ 25 kilometru kontra l-ħin, fil-korsa mal-kosta tas-Salina u Baħar iċ-Ċagħaq intwera sodisfazzjon kbir miċ-ċiklisti Maltin fejn tnejn minnhom jinsabu fuq quddiem.Dan huma Marie Claire Aquilina dik tan-Nisa u Michael Camilleri dik tal-Masters. Fil-kategorija tal-Elite, ċiklist ieħor Malti, Wayne Spiteri jinsab fit-tieni post. Anke fil-kategorija tan-Nisa, it-tieni post jinsab okkupat mill-Maltija Michelle Vella Wood.

Il-kategorija tan-Nisa fuq distanza ta’ 45 kilometru, ntrebħet minn Marie Claire Aquilina tal-Club The Cyclist fi 23 minuta u 29 sekonda. Tnax il-sekonda biss warajha daħlet Michelle Vella Wood tat-Team Greens, filwaqt li l-Islandiża Agusta Edda Bsornsdo tal-Klubb Tindur spiċċat f’24 minuta u 23 sekonda.

Fil-kategorija tal-Masters, Michael Camilleri tat-Team Greens spiċċa fl-ewwel post f’ħin ta’ 22 minuta u 15 il-sekonda. Warajħ spiċċaw David Williams tal-Kuota GSG Spinergy fi 22 minuta u 24 sekonda u Jimmy Jones tat-Team Optima fi 22 minuta u 30 sekonda.

L-attenzjoni prinċipali kienet fuq il-kategorija Elite fejn fl-ewwel post daħal in-Norveġiż Thomas Strand (Aasane CK) f’21 minuta u 19 il-sekonda. Fit-tieni post spiċċa l-Malti Wayne Spiteri tal-Mosta AF Sign Studio C.C. f’21 minuta u 45 sekonda. Fit-tielet post spiċċa ċiklista Norveġiż ieħor, Magne Aarsteinsen (Rennesow CK) f’21 minuta u 47 sekonda.

B’kollox qed jieħdu sehem mal-110 ċiklista li ġejjin minn Malta, u klubbs oħra mill-Ingilterra, l-Italja u għall-ewwel darba mill-Iżlanda. Ma’ dawn ser jieħdu sehem ukoll fuq bażi individwali, ċiklisti barranin minn diversi pajjiżi ohra fosthom n-Norveġja.

Fi tmiem l-istadju, is-Sur Joe Bajada, Segretarju tal-Kumitat Organizzattiv, kif ukoll il-mistieden speċjali tat-Tour José Enrique Gutiérrez Cataluña, ex-champion tat-time trial Spanjol, ip­pre­żentaw il-midalji u l-flokk l-aħmar lir-rebbieħa overall.

It-Tour ta’ Malta jkompli għada bit-tieni tappa li ser tkun tiġrija ta’ 88 kilometru fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin, filwaqt li t-tielet tappa  tas-Sibt fuq distanza ta’ 60 kilometru, ser issir fuq iċ-ċirkwit tan-Nadur, Għawdex. Ir-raba’ u l-aħħar tappa ser issir il-Ħadd fuq il-By-Pass ta’ San Pawl fuq distanza ta’ 83.3 kilometru.

———————————————————————————————————————————————————-

Gallery

———————————————————————————————————————————————————-

———————————————————————————————————————————————————-

 





Leave a comment