L-ewwel edizzjoni tan-National School Sports Festival se ssir f’Mejju li ġej

Friday, December 11, 2015, 17:50

Gavin Muscat

‘Wara nuqqas ta’ diversi snin irritornaw l-kompetizzjonijiet bejn l-iskejjel’.   Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt żjara li għamel fil-padiljun tal-basetball f’Ta Qali fejn kien għaddej il-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-fażi finali tan-National School Sports Festival li ser issir f’Mejju.  Dawn il-kompetizzjonijiet qed isiru b’ħidma kollaborattiva bejn SportMalta permezz tal-Isport Promotion Unit (SPU) u d-Direttorat ghall-Kwalita u l-Istandards fl-Edukazzjoni.

Il-fażi finali ta’ dan il-festival sportiv, li huwa miftuħ għall-iskejjel medji u sekondarji u huwa mifrux fuq gimgħatejn, ser isir f’Mejju li ġej.  Wara li l-ġimgħa li għaddiet, sar l-logħob ta’ kwalifikazzjoni tal-football, din il-ġimgħa kien imiss dawk tal-basketball u l-waterpolo.  Madanakollu ser isiru kompetizzjonijiet wkoll fil-futsal, l-atletika, fl-għawm u fit-table tennis.  Fil-fażi finali, żewġ skejjel tal-Istat se jingħaqdu ma’ żewġ timijiet minn skejjel tal-Knisja u Indipendenti sabiex minnhom joħroġ r-rebbieħ nazzjonali għal din is-sena.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius tenna li dan l-proġett huwa parti minn katina t’inizjattivi li qegħdin jittieħdu sabiex tixxettel kultura aktar sportiva fost l-istudenti Maltin fejn l-importanza tal-attivita’ fiżika tirrenja fuq kwalunkwe aspett ieħor.

Huwa kompla jgħid li l-Gvern huwa mpenjat li jagħti spazju lil kull sport, inkluż dak li jista’ jitqies bħala minuri.  Fil-fatt il-ħsieb hu li n-numru ta’ dixxiplini f’dan il-festival jiżdiedu s-sena d-dieħla.  Ma’ dan wieħed irid isemmi wkoll in-numru ta’ kowċis kwalifikati li qegħdin jingħataw l-opportunita li jżuru xi skejjel sabiex jippromwovu d-dixxiplina rispettiva tagħhom.





Leave a comment