L-ewwel edizzjoni tal-Gozo Basketball Cup se ssir fi tmiem il-ġimgħa

Thursday, October 20, 2011, 15:40

Fi tmiem il-ġimgħa, bejn nhar is-Sibt 22 u l-Ħadd 23 ta’ Ottubru, id-dilettanti tal-Basketball f’Għawdex se jkollhom iċ-ċans jaraw l-aqwa timijiet Maltin fl-azzjoni. Dan hekk kif is-Segretjarat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika u l-Malta Basketball Associations se jorganizzaw tournament għat-timijiet tal-irġiel tal-Ewwel Diviżjoni. Il-logħob kollu se jintlagħab fil-Kumpless Sportiv fir-Rabat Għawdex.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li din hi inizjattiva oħra li qed tittieħed bil-għan li l-isport f’Għawdex ikompli jissaħħaħ u tkompli tiġi diversifikata n-niċċa tat-turiżmu sportiv. Hu qal li f’Għawdex hemm talent sportiv iżda biex dan joħroġ aktar fil-beraħ hemm bżonn li mhux biss tissaħħaħ l-infrastruttura sportiva, iżda wkoll ikun hemm aktar opportunitajiet biex it-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin ikunu esposti għall-isport tal-ogħla livell.

Propju għalhekk, ġurnata qabel jibda’ t-tournament, il-Malta Basketball Association se torganizza basketball camp għat-tfal Għawdxin, subien u bniet tal-etajiet bejn il-11 u t-13-il sena.

Fit-tournament ewlieni se jieħdu sehem is-sitt timijiet li jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni tal-Kampjonat Nazzjonali jiġifieri Athleta A to Z Electronics, BUPA Luxol, Siġġiewi, Rabat Depiro, TATA Motors Loyola u Floriana Francesco Fenech.

Dawn  it-timijiet se jinqasmu f’żewġ gruppi. Ir-rebbieħa tal-gruppi jilagħbu f’semi finali kontra dawk li jispiċċaw fit-tieni post fil-grupp l-ieħor. Ir-rebbieħa taż-żewġ semi finali jikkontestaw il-finali.  Il-logħob se jintlagħab fuq żewġ taqsimiet ta’ 15-il minuta ‘l waħda.

Il-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana qal li fil-Gozo Basketball Cup, it-timijiet kollha se jintroduċu għall-ewwel darba lill-barranin il-ġodda li kienu ingaġġati għal dan l-istaġun.

Il-Gozo Basketball Cup 2011 hi waħda minn sensiela ta’ inizjattivi sportivi li qed jittieħdu mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika bi sħab ma’ assoċjazzjonijet sportivi u federazzjoni differenti. Din is-sena f’Għawdex diġa ġew organizzati kompetizzjonijiet bil-parteċipazzjoni ta’ timijiet Maltin f’dixxiplini differenti fosthom football, żwiemel u waterpolo.





1 Comment

  1. Adrian Baldacchino says:

    Good luck to all teams taking part

    [Reply]

Leave a comment