L-ewwel attività Autocross bil-lejl

Wednesday, June 6, 2018, 9:35

Nhar is-Sibt li ġej 9 ta’ Ġunju 2018 l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) tiftaħ l-istaġun tas-sajf billi tibda torganizza l-attivitajiet tard is-Sibt fil-għaxija sa tard bil-lejl. F’dawn iz-zmienijiet tas-sena l-Assoċjazzjoni teqleb bl-attivitajiet fil-għaxija minħabba it-temp sħun ħafna f’dan iz-zmien tas-sena. Din l-azzjoni tkun ta vantaġġ għal l-ispettaturi fejn is-sewqan issir taħt id-dawl artifiċjali kif ukoll ikun ta vantaġġ għas-sewwieqa u l-vetturi minħabba t-temperaturi iktar baxxi filgħaxija li jkunu iktar vantaġġjużi għall-magni tal-vetturi li jkunu qed jipparteċipaw.

L-attivita tas-Sibt li ġej hija l-għaxar waħda mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. Din l-attività tibda fis-7. 00pm u tibqa sejra sa tard bil-lejl.

Intant nhar is-Sibt li għadda,  l-ASMK organizzat il-Finali Autocross Modified Klassi A li kienet għadha pendenti mis-26 ta’ Novembru 2017. F’din il-Finali Andrew Pisani fuq Vaxuhall Nova ħareġ rebbieħ, segwit minn Jean Paul Grech fuq Peugeot 106, Noel Zammit fuq Fiat Punto u Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo.

Ħarsa lejn il-klassifika wara din il-Finali Autocross u wara disa’ attivitajiet naraw l-opportunita miftuħa bejn 5 kompetituri minkejja li bħalissa Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo jinsab fil-quċċata b’181 punt. Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 u Karl Micallef fuq Ford Fiesta għandhom 163 punt kull wieħed. Noel Zammit fuq Fiat Punto għandu 155 punt filwaqt li Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova għandu 151 punt.

Fil-Klassi Autocross Standard, Deane Farrugia fuq Citroen AX għandu 60 punt segwit minn Nicovich Chircop fuq Peugeot 106 b’47 punt u Johann Vella fuq Opel Nova b’27 punt.  Kyle Agius fuq Renault Campus għandi 21 punt segwit minn Jerome Peplow fuq Kia Avella u Chris Formosa fuq Ford Fiesta b’19 il-punt kull wieħed.

Intant 5 riders Maltin ħadu sehem f’attività Enduro ‘Red Bull Hare Scramble’ f’Erzberg fl-Awstrija. It-tim Malti kien magħmul minn Jamez Zahra u Gary Debono it-tnejn fuq muturi Sherco, Bernard Sammut u Matthew Gauci it-tnejn fuq muturi Beta u Ian Scicluna fuq mutur KTM.

Dawn kellhom jikkumbattu ma’ iktar minn 1500 kompetitur minn madwar id-dinja. It-tim Malti fil-ġurnata tas-Sibt irnexxielu jikkwalifika b’erba’ riders minn 5, li għaddew għas-sezzjoni Finali ta’ 500 rider. Sammut ikkwalifika fil-182 post, Zahra spiċċa fil-194 post, Gauci fil-223 post, Debono fit-359 post u Scicluna fis-680 post u spiċċa eliminat f’din is-sezzjoni minħabba ħsara mekkanika. Il-kontestanti Maltin li marru qabel fl-aħħar 3 snin qatt ma kien irnexxielhom jidħlu f’dan il-grupp ta’ 500 Finalist għat tiġrija tal-Ħadd. Din it-tiġrija kienet twila 4 sigħat iżda t-taħrig u l-preparazzjoni għal din l-attività taw riżultati pożittivi.

Fil-Finali tal-Ħadd ta’ din is-sena ir-riders Maltin marru tajjeb ħafna u ġabu rizultati rispettabbli ħafna. Matthew Gauci spiċċa fil-134 post u rnexxielu jgħaddi il-15-il Checkpoint minn 20. Bernard Sammut rebaħ il-160 post, James Zahra rebaħ fil-182 post filwaqt li Garry Debono daħal fil-257 post minn 500 rider. Dawn huma rizultati posittivi meta wiehed ikun jaf li 9 kompetituri biss irnexxielhom jispiċċaw it-tiġrija sal-aħħar u bla dubju dawn ikunu l-aqwa Enduristi tad-dinja fil-preżent.

Fuq nota differenti u bi tħejjija għad-Demolition tal-Vannijiet, l-Assoċjazzjoni tfakkar lil dawk il-kompetituri li huma interessati u li għadhom ma rreġistrawx, għandhom iċ-ċans li jagħmlu dan sa nhar il-Ħamis 14 ta’ Ġunju 2018 fil-Klabb House tal-Assoċjazzjoni l-Imtarfa. Din ser tkun l-aħħar laqgħa għall-kompetituri tad-Demolition. Il-Laqgħa tibda fit-8. 00pm.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġna Facebook bl-isem  Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Ritratti ta’ Mario Micallef





Leave a comment