L-ekwipaġġ tal-Jarhead Young Sailor’s Foundation ikkompetew b’suċċess fir-Rolex Fastnet

Thursday, August 22, 2019, 9:21

L-ekwipaġġ żagħżugħ tal-Jarhead Young Sailor’s Foundation għadu kemm irritorna Malta wara prestazzjoni ta’ suċċess fit-tellieqa internazzjonali tal-ibburdajr – ir-Rolex Fastnet. Din il-kampanja kienet immexxija mill-iskipper ta’esperjenza internazzjonali Nikki Henderson u l-ewkipaġġ magħmul minn Fabio Galea, Emilie Gregory, Greg Mifsud Orlando, Patrice Pace, Saul Vassallo, Francesca Zammit u Zachary Zammit.

Din kienet it-tieni esperjenza internazzjonali ta’ dan l-ekwipaġġ li ftit ilu ħadu sehem, fuq il-jott J/109 JYS  Jan, fit-tellieqa organizzata mir-Royal Ocean Racing Club, it-tellieqa Cowes – Dinard – St. Malo kif ukoll tellieqa fil-Fliegu Ingliz.

Ir-Rolex Fastnet hija it-tellieqa prinċipali tar-Royal Ocean Racing Club li ssir kull sentejn u din is-sena attirat flotta rekord ta’ 388 jottijiet. It-tellieqa ta 605 mil nawtiku hija waħda mill-ikbar tlielaq offshore tad-dinja u il-korsa tara l-flotta ittellaq fil-fliegu Ingliż bejn Land’s End u l-gżejjer Scilly. Minn hemm il-flotta tkompli lejn il-Baħar Ċeltiku għal Fastnet Rock, li hi erba mili lejn in-nofsinhar tal-Irlanda. Minhemm il-korsa tkompli lejn Bishop Rock u l-gżejjer Scilly, qrib il-peniżola Lizard sa kemm jispiċċaw f’Plymouth.

L-ekwipaġġ tal-Fondazzjoni ikkompeta fl-IRC Class 3, li hi waħda mill-ikbar Klassijiet tal-flotta u li rat ħafna mill-aqwa timijiet offshore jikkompetu ma’ ekwipaġġi iżgħar. Il-kundizzjonijiet tat-temp kienu ġeneralment moderati. Minkejja dan, l-ekwipaġġ kellu jikkombatti il-kurrenti li din it-tellieqa hija magħrufa għaliħ.

Il-prestazzjoni tal-J/109 JYS Jan kienet notevoli wara li spiċċat fil-103 post minn flotta ta ’388 jott. Aktar sinifikanti kien t-tlielet u għoxrin post fil-Klassi 3, li rat 84 dgħajsa tieħu sehem u it-tmien post fil-Klassi 3B fejn ikkompetew kontra l-erbgħa u erbgħin dgħajjes.

Ir-riżultat ta’ soddisfazzjon kbir kien il-fatt li l-ekwipaġġ spiċċa fl-ewwel post fil-flotta tal-jottijiet J/109, li fosthom kien Jolly Jar Tar tar-Royal Navy SA, Mojo Rising tal-J109 Racing Ltd, Ajax tar-Royal Armored Corp YC, Red Arrow tar-Royal Air Force SA u Trojan tar-Royal Engineers YC.

“Kienet tellieqa impenjattiva ħafna – kemm mill-aspett mentali kif ukoll fiżiku. Ma stajtx nitlob għal tim aħjar peress li aħna lkoll nafu lil xulxin għal-numru ta’snin u aħna lkoll ħbieb. Dan kollu għamlet l-esperjenza waħda divertenti. Ninsab kuntent li ġejt mogħti din l-opportunità!” Patrice Pace.

Minkejja l-fatt li wħud mill-ekwipaġġ ma kellhom l-ebda jew ftit esperjenza fi tlielaq min dan it-tip, huma kienu ggwidati mill-iskipper Nikki Hendersen, li għanda snin twal t’esperjenza f’dawn it-tip ta’ tlielaq. It-taħriġ li kien sar bi tħejjija għal din it-tellieqa ntwera mir-riżultat miksub. L-ekwipaġġ irreġistra it-tlieta u għoxrin post fuq is-seba u sittin jott li spiċċaw il-Klassi tagħhom. Sbatax-il dgħajsa ma spiċċawx it-tellieqa.

 “Il-fatt li lestejna t-tellieqa kien diġà riżultat ta’ suċċess kbir. Li jispiċċajna b’riżultat daqstant tajjeb kien wisq aħjar! Tgħallimt ħafna minn din l-esperjenza kollha, li kienet memorabbli ħafna” – Emilie Gregory

L-ekwipaġġ issa qiegħed f’Malta u qed jipprepara għall-erbgħin edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race li hi ospitata mir-Royal Malta Yacht Club. Din hija tellieqa oħra ta’ 606 mil nawtiku u li meqjusa fl-istess kategorija tar-Rolex Fastnet u it-tellieqa oħra fuq l-istess medda, is-Sydney – Hobart.

“Huwa ta’soddisfazzjoni kbir li wieħed jara r-riżultati li ix-xogħol tal-Fondazzjoni qed jikseb. Fi ftit xhur biss rajna lil-ekwipaġġi jkomplu jkattru il-kapaċitajiet tagħhom, jipproduċu riżultati tajbin kif ukoll jibnu karattru sod” spjega Wilfrid Buttigieg, Amministratur tal-Fondazzjoni. “Ix-xogħol tagħna jkompli. Max-xogħol li qed isir hemm wkoll il-preparamenti tar-Rolex Middle Sea Race, il-Programm tal-Iskejjel qed jkompli b’pass tajjeb u il-Fondazzjoni tkompli tilqa numru ta’ żgħazagħ mis-skejjel lokali fl-isport tal-ibburdjar.  Diġa qedin naraw potenzjal tajjeb, li nisperaw jkompli jiżviluppa fil-futur”





Leave a comment