L-ebda sorpriża fis-sitt ġurnata

Monday, February 15, 2016, 19:44

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 74

Floriana Cafè Del Mar 87

(24-24)(21-15)(10-30)(19-19)

Wara l-waqfa għall-finali tan-Knock-out u t-tazza Louis Borg irritorna l-kampjonat BOV hekk kif ingħata bidu għat-tieni round li għandu jwassal għall-play-offs. Floriana Cafè Del Mar għelbu lil Bupa Luxol 87-74 f’partita fejn spikka n-numru għoli ta’ three pointers fuq kull naħa. Jean Paul Bonnici ta’ Luxol kien l-aħjar b’sebgħa però kien hemm ukoll fost l-oħrajn ħamsa minn Jean Paul Schembri, erbgħa minn Chad Patus u ħamsa oħra minn Lee Ross. Floriana ħadu l-ewwel vantaġġ wara 8 punti konsekuttivi ta’ Ross flimkien ma’ Anton Axiaq. Luxol wieġbu permezz ta’ Schembri u Colt Fason però l-punti ta’ Patus ħallew lil Floriana fuq quddiem. Luxol kellhom it-trippli ta’ Bonnici u Schembri biex l-ewwel sessjoni għalqet fuq parita ta’ 24-24. Fit-tieni perjodu Luxol dehru li se jieħdu l-partita f’idejhom hekk kif bdew b’run ta’ 14-4 u komplew biex fetħu vantaġġ massimu ta’ 11 –il punt 43-32. Hawn però Floriana ġew lura speċjalment bil-punti ta’ Patus u sal-intervall naqqsu d-distakk għal sitt punti 39-45.

Fil-ftuħ tat-tielet perjodu kien hemm trippla fuq kull naħa biex Luxol baqgħu fuq quddiem 50-42. Hawn però Floriana kellhom run qawwija ta’ 19-0 bi trippla ta’ Ross u tnejn minn Patus flimkien ma’ Sean Borg u Axiaq biex fetħu vantaġġ ta’ 14 –il punt 69-55. Fl-aħħar taqsima, Luxol tħabtu biex jerġgħi jidħlu fil-logħba u għamlu run ta’ 14-2 b’żewġ trippli oħra ta’ Bonnici u wasu sa’ sitt punti ‘l bogħod 69-75. Floriana reġgħu ħadu l-kontroll wara l-punti ta’ Patus u trippla oħra ta’ Ross biex baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 87-74.

Bupa Luxol: CJ Cordina 11, C. Fason 22, J. Willoughby, J.P. Schembri 17, K. Dimech, M. Mercieca 3, J. Maistre Mellilo, JP Bonnici 21.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 28, L. Ross 22, N. Sultana 13, S. Borg 4, A. Portelli, N. Vasovic 3, C. Calleja, A. Axiaq 15, A. Micallef Trigona 2, N. Andrejevic.

Referees:  Alfred Carbonaro, Stephen Micallef, Christine Farrugia.

Hibernians 62

Falken Cynergi Virtus 90

(11-19)(18-26)(14-29)(19-16)

Ic-champions Falken Cynergi Virtus kisbu s-sitt rebħa fil-kampjonat meta għelbu lil Hibernians 90-62. Kienet il-ħames rebħa ta’ Virtus fuq Hibs dan l-istaġun biex huma komplew isaħħu l-ewwel post tal-klassifika. L-unika nuqqas fil-formazzjoni kien fuq in-naħa ta’ Hibs hekk kif huma kellhom nieqes lil Gabriel Agius. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin bil-Hibs jiftħu vantaġġ ta’ 3 punti wara baskets minn Marco Matijevic u trippla ta’ Kieron Caruana. Hawn Virtus irkupraw u għalqu t-taqsima bi break ta’ 11-0 bil-punti tal-Amerikan Chris Santo u Jacob Formosa li kellhu wkoll trippla għal skor ta’ 19-11. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni reġa’ kien hemm bilanċ bil-Virtus jiftħu bi trippla ta’ David Camilleri b’Luke Farrugia jirrispondi għal Hibs. Ic-champions komplew b’aktar three pointers minn Sean Pace però Caruana wkoll wieġeb b’żewġ trippli għall-Pawlisti. Santo u Formosa bejniethom għamlu run ta’ 8-0 u fl-intervall Virtus kienu 45-29 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, ic-champions fetħu qawwi meta għamlu run ta’ 12-3 b’aktar punti ta’ Santo għal skor ta’ 57-32. Hibs waqqfuhom b’basket ta’ Paul Attard u trippla ta’ Simon Attard iżda Virtus kellhom trippla oħra minn Camilleri u għamlu l-aħħar sitt punti tas-sessjoni għal skor ta’ 74-43. Fl-aħħar taqsima kien hemm spazju għall-players ta’ fuq il-bank miż-żewġ naħat. Hibs bdew bil-punti ta’ Matijevic bil-Virtus jirrispondu bi break ieħor ta’ 12-3 b’żewġ trippli oħra ta’ Formosa. Il-partita baqgħet f’idejn ic-champions għalkemm l-aħħar punti waslu minn Fabrizio Mariani u Isaac Bonett għal Hibs biex Virtus ħarġu rebbieħa 90-62.

Hibs: P. Attard 2, M. Houmpton, M. Formosa, L. Farrugia 6, S. Attard 11, I. Bonett 4, K. Caruana 13, R. Carabott 4, K. Sultana, S. Vella, F. Mariani 7, M. Matijevic 15.

Falken Cynergi Virtus: S. Pace 6, D. Bugeja 4, R. Bonnici 10, D. Camilleri 9, S. Bonnici 2, J. Formosa 28, A. Felice Pace 1, C. Santo 28, L. Sobers, F. Bartolo, P. Shoults 2, T. Grech.

Referees: Bernard Vassallo, Stephen Micallef, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Gżira Athleta 74

Pavi Depiro 54

(23-16)(9-9)(21-12)(21-17)

Gżira Athleta wkoll komplew bil-mument posittiv tagħhom meta kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva tagħhom wara li għelbu lil Pavi Depiro 74-54. Minkejja d-distakk finali ta’ 20 punt, Depiro offrew sfida tajba lill-avversarji tant li fir-raba’ sessjoni rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal 8 punti. Athleta kellhom nieqes lil Nikolai Lubrano u Depiro kienu mingħajr Darryl Schembri. Il-partita fetħet b’punti fuq kull naħa biż-żewġ timjiet ikkollhom trippla kull wieħed minn Billy Zammit u Kurt Xuereb. Athleta komplew b’sitt punti mingħajr risposta però Depiro reġgħu resqu viċin bi trippla ta’ Timothy Zammut. Athleta komplew b’run ta’ 8-2 biex temmew l-ewwel taqsima 23-16 minn fuq. Fit-tieni sessjoni l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat. Athleta bdew bi break ta’ 8-2 però Depiro wieġbu b’ sitt punti mingħajr risposta biex fl-intervall Athleta kienu 32-25 minn fuq.

Wara l-intervall Depiro fetħu b’basket tal-Amerikan Michael Nwelue però hawn daħal iktar fix-xena Lee Fisher għall-Athleta flimkien ma’ Michael Naudi li wkoll għaddej minn forma tajba. Athleta għamlu run ta’ 9-0 biex reġgħu kabbru l-vantaġġ 41-27. Wara punti ta’ Zammit u Xuereb għal Depiro, Athleta żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Billy Zammit u l-punti ta’ Fisher u Adrian Micallef għal skor ta’ 53-37. Fl-aħħar taqsima Depiro tħabtu biex inaqqsu d-distakk u rnexxielhom jerġgħu jaslu sa’ 8 punti ‘l bogħod wara trippla ta’ Xuereb. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin iżda fl-aħħar minuti l-punti ġew biss minn naħa tal-Athleta li għalqu l-partita b’run ta’ 9-0 fosthom trippla taż-żagħżugħ Francesco Mifsud Bonnici biex ħarġu rebbieħa 74-54.

 

Gżira Athleta: M. Naudi 26, R. Vella 9, F. Mifsud Bonnici 3, D. Wiersum 2, L. Stefanovic, I. Buldakov 2, B. Zammit 9, A. Micallef 7, S. Vincic, M. Gauchi Montaldo, L. Fisher 17.

Pavi Depiro: J. Attard 3, M. Agius, J. Camilleri, A. Aquilina 5, N. Grech, T. Zammit 8,  M. Mallia 2, V. Vlachos, K. Xuereb 17, M. Borg, M. Nwelue 19.

Referees: Bernard Vassallo, Christine Farrugia, Zvezdan Dobrosaviljevic.

 

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Falken Cynergi Virtus

6

6

0

12

478

372

Floriana Cafe Del Mar

6

5

1

11

453

389

Gżira Athleta

6

4

2

10

464

387

Bupa Luxol

6

2

4

8

427

459

Hibs

6

1

5

7

366

471

Pavi Depiro

6

0

6

6

319

429

 





Leave a comment