L-ebda sorpriża fir-round preliminari

Monday, February 3, 2020, 19:10

Bank of Valletta Knock-out Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Il-kampjonat għamel spazju għar-round preliminari tal-Bank of Valletta Knock-out bit-teamijiet ta’ Athleta, Mellieħa u Fusion javvanzaw għas-semifinali. Mellieħa u Fusion għelbu lil Starlites u Depiro rispettivament fil-waqt li Athleta ħadu walk-over fuq Pyrinto li għat-tieni darba dan l-istaġun ma ppreżentawx ruħhom għal-logħob.

Starlites GIG 63

Mellieħa Libertas 86

(14-19)(22-21)(15-13)(12-33)

Mellieħa kellhom jitħabtu aktar milli mistenni biex jegħlbu l-isfidataż-żagħżagħ ta’ Starlites tant li kellhom jistennew sal-aħħar sessjoni biex jagħmlu ċert mir-rebħa. Wara li Starlites għamlu l-ewwel ħames punti tal-partita, Mellieħa ġew lura bi trippla ta’ David Camilleri f’run ta’ 7-0. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Miguel Falzon biex reġgħu marru minn fuq 12-9 qabel ma Mellieħa għalqu t-taqsima bil-punti ta’ Nenad Stojanovski u Alex Perunicic u marru fuq quddiem 19-14. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni reġgħu kienu Starlites din id-darba bil-punti ta’ Miguel Fabri li marru minn fuq 26-25. Perunicic u Stojanovski rrispondew għal Mellieħa peroò Starlites baqgħu viċin hekk kif kellhom il-punti ta’ Miguel Vella u Quentin Bugeja u fl-intervall il-vantaġġ ta’ Mellieħa kien ta’ erba’ punti 40-36.

Fit-tielet taqsima, Mellieħa reġgħu fetħu bil-punti ta’ Perunicic però Starlites ma ċedewx u run ta’ 8-0 minn Falzon rathom jagħmlu l-iskor indaqs 44-44. Hawn kellna punti fuq kull naħa biex Mellieħa temmew it-taqsima basket minn fuq 53-51. Fl-aħħar sessjoni il-folja nqalbet hekk kif Mellieħa bdew b’run ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Perunicic u l-punti ta’ Emanuel Lupo. Time-out u xi sostituzzjonijiet minn Starlites rawhom jerġgħu jnaqqsu d-distakk però din id-darba Mellieħa kienu aktar attenti  u rnexxielhom jagħmlu run oħra ta’ 16-4 li rathom jerbħu l-partita 86-63.

Starlites: M. Fabri 15, M. Falzon 14

Mellieħa: A. Perunicic 27, N. Stojanovski 21

Fusion 86

Depiro 67

(15-19)(22-20)(27-10)(22-18)

Din il-partita ħadet svolta wara l-mistrieħ hekk kif Depiro kienu mexjin pass pass mal-avversarji li però ddominaw it-tielet taqsima. Iż-żewġ timijiet kellhom diversi players neqsin fosthom Enrico Lanzi, Nebiosa Komienic u Igor Bobot għal Fusion u Myron Agius, Mert Cicktepe u Darryl Pisani għal Depiro. Il-bidu tal-partita kienet bilanċjat fejn wara trippla ta’ Miguel Baldacchino għal Depiro, Fusion kellhom il-punti minn Alex Veselinovic li kellhu partita mill-aqwa. Trippla fuq kull naħa ħalliet lil Depiro fuq quddiem fejn huma temmew it-taqsima 4 minn fuq 19-15. Fit-tieni taqsima Fusion bdew b’run ta’ 9-0 mill-ġdid bil-punti ta’ Veselinovic. Depiro kellhom risposta permezz ta’ Andy Attard u Nenad Rosic flimkien ma’ trippla ta’ Chris Bevin biex inexxielhom iżommu l-vantaġġ sal-halftime 39-37.

Fit-tielet taqsima l-logħob kompla jkun maqsum fejn għal Fusion waslu wkoll il-punti ta’ Nikola Bozovic u Nenad Trajkovic bid-Depiro jirrispondu bi trippla oħra ta’ Baldacchino. Hawn waslet run qawwija minn Fusion ta’ 16-3 li ħasdet għal kollox lil Depiro u li rathom itemmu l-perjodu 64-49 minn fuq. L-aħħar sessjoni kienet aktar f’idejn Fusion hekk kif Depiro bdew jitilfu l-players bil-ħames foul u kellhom jispiċċaw jilgħabu b’erba’ players. L-aħħar sforz ta’ Depiro ssarraf f’run ta’ 11-0 bi trippli minn Miguel Mallia u Daniel Massa però waqfu hemm u kienu Fusion li għalqu l-partita bi 12 -il punt mingħajr risposta u joħorġu rebbieħa 86-67.

Fusion: A. Veselinovic 30, N. Trajkovic 13

Depiro: N. Rosic 16, M. Brincat 16





Leave a comment