L-ebda sorpriża fir-round preliminari

Wednesday, December 10, 2014, 18:49

TAZZA LOUIS BORG IRĠIEL

minn Colin Schembri

Is-sitt kompetizzjoni tal-basketball lokali tal-irġiel bdiet bir-round preliminari fejn kien hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ team mit-tieni diviżjoni Mellieħa Tritones li ltaqgħu kontra Bupa Luxol. Fil-partiti l-oħra Cynergi Virtus ltaqgħu kontra Siġġiewi fil-waqt li f’repetizzjoni tar-round preliminari tal-istaġun li għadda Pavi Depiro ltaqgħu kontra c-champions A to Z Electronics Athleta.

 

Pavi Depiro 64

A to Z Electronics Athleta 89

(14-21)(19-30)(11-29)(20-9)

AtoZ Electronics Athleta ltaqgħu kontra t-team żagħżugħ ta’ Pavi Depiro u tista’ tgħid li aċċertaw ruħhom mill-kwalifikazzjoni wara rebħa ta’ 25 punt 89-64. Huma kellhom nieqes lil Micheal Naudi però rritorna għal-logħob Steve Schembri u kien hemm ukoll żgħażagħ ġodda fuq il-bank tal-Athleta bħal Francesco Mifsud Bonnici u Martin Krastev.Il-bidu tal-partita kien bilanċjat fejn wara trippla ta’ Kurt Xuereb kien hemm parita 6-6. Però minn hawn ‘l quddiem Athleta bdew jieħdu l-partita f’idejhom u għamlu run ta’ 12-2 bi trippla ta’ Andrew Aquilina u baskets ta’ Omar Said u Chad Patus. Wara sitt punti minn Depiro mill-aħwa Zammit u Marco Todorovic, Roderick Vella u Patus kellhom żewġ baskets oħra biex Athleta kienu 21-14 minn fuq. It-tieni taqsima fetħet bil-punti ta’ Said bi three pointer hekk kif hu, Patus u Isaac Tanti kisbu l-punti tac-champions fl-ewwel minuti. Depiro kellhom żewġ three pointgers minn Timothy Zammit iżda kienu Athleta li għalqu t-taqsima b’ħames punti ta’ Schembri għal skor ta’ 51-33.

Fit-tielet sessjoni ż-żewġ timijiet kellhom il-baskets tagħhom hekk kif huma bdew jirrispondu lil xulxin b’Todorovic jagħmel il-punti kollha tad-Depiro. Athleta kellhom il-baskets ta’ Andrew Aquilina flimkien ma’ Vella u Said fost l-oħrajn. Fl-aħħar tlett minuti kien hemm biss il-punti tal-Athleta li għalqu s-sessjoni b’run ta’ 15-0 b’aktar punti ta’ Schembri żewġ baskets ta’ Matthew Gouder. Fl-aħħar taqsima Depiro bdew aħjar u għamlu break ta’ 10-0 fl-ewwel erba’ minuti b’aktar punti minn Todorovic. Athleta kellhom diversi żagħżagħ fuq il-court u wieġbu permezz ta’ Caruana Mondtaldo u Said iżda Depiro kellhom l-aħjar tmiem tal-partita bi break ieħor ta’ 7-0 biex Athleta rebħu l-partita 89-64.

Pavi Depiro: J. Attard, D. Farrugia 3, D. Schembri, R. Rizzo 6, T. Zammit 10, N. Grech, M. Todorovic 34, R. Zammit, S. Zammit 4, K. Xuereb 3, M. Borg, S. Saakian 4.

A to Z Electronics Athleta: R. Vella 8, F. Mifsud Bonnici, C. Patus 21, A. Aquilina 9, M. G. Montaldo 2, O. Said 25, M. Gouder 6, M. Krastev, I. Tanti 8, S.Schembri 10.

Referees: Emanuel Mangani, Luke Camilleri, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Remax Citadel Siġġiewi 63

Cynergi Virtus 84

(18-17)(14-25)(11-22)(20-20)

Sa’ tlett minuti mit-tmiem tat-tieni sessjoni, Remax Citadel Siġġiewi żammew il-pass ma’ Cynergi Virtus però bejn it-tmien minuta tat-tieni sessjoni u s-seba’ minuta tat-tielet waħda, Virtus kellhom break ta’ 27-6 fejn issiġillaw ir-rebħa u l-kwalifikazzjoni. Siġġiewi kienu mingħajr Eman Xuereb però ntroduċew lil Luke Grima fil-waqt li Chris Doublet kien nieqes għal Virtus. Kienu Virtus li ħadu l-ewwel vantaġġ meta bil-punti ta’ David Bugeja u trippla tal-Amerikan Evan Bruinsma marru 9-6 minn fuq. Siġġiewi kellhom ir-risposta ta’ Steve Sammut però Virtus żiedu d-distakk b’ħames punti oħra. Siġġiewi kellhom mument tajjeb u approfittaw minn turnovers ta’ Virtus u kellhom run ta’ 9-1 biex temmew it-taqsima 18-17 minn fuq. Fit-tieni taqsima l-logħob baqa’ jkun bilanċjat fejn għal Virtus kien hemm it-trippli ta’ Bugeja u Bruinsma però Siġġiewi wkoll kellhom trippla minn Sammut u l-punti ta’ Adrian Micallef u Billy Zammit u ġabu l-iskor indaqs 30-30 fis-seba’ minuta. Hawn iżda Virtus għamlu run ta’ 12-2 b’diversi punti ta’ Bruinsma u Robert Bonnici biex daħlu jistrieħu 42-32 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Virtus komplew fejn ħallew b’iktar punti ta’ Bruinsma, Bonnici u  Bugeja u għamlu run ta’ 15-4 biex fetħu vantaġġ ta’ 21 punt 57-36. Siġġiewi kellhom il-punti ta’ Micallef u Kent Tribett għal skor ta’ 64-43 favur Virtus. L-aħħar sessjoni kienet waħda bilanċjata tant li spiċċat f’parita ta’ 20-20. Siġġiewi kellhom il-punti tas-Serb Marco Matijevic li pattta għal wirja oħra diżappuntanti tal-Amerikan Tribett. Virtus wieġbu minn Bugeja, Bruinsma u Graham Coleiro qabel ma Siġġiewi kellhom it-trippli ta’ Sammut u Billy Zammit. Virtus kellhom il-punti minn Bonnici biex għalqu l-partita b’vantaġġ ta’ 21 punt 84-63.

Remax Citadel Siġġiewi: L. Grima, B. Zammit 11, JP Antoncic, S. Sammut 14, M. Matijevic 12, R. Carabott, A. Micallef 16, B. Bartolo, M. Mallia 2, K. Tribett 8.

Cynergi Virtus: S. Pace 4, D. Bugeja 22, R. Bonnici 11, A. Schembri, E. Bruinsma 38, A. Felice Pace, I. Buldakov, G. Coleiro 7, P. Shoults 2, F. Bartolo.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile, Cesar Baena.

Mellieħa Mr. Green 41

Bupa Luxol 83

(11-18)(4-25)(16-15)(10-25)

Bħal ma għamlu l-istaġun li għadda, Mellieħa Mr. Green applikaw biex jipparteċipaw fit-tazza Louis Borg però sabu għadma iebsa fit-team ta’ Bupa Luxol speċjalment l-Amerikan Orlando Rutledge. Luxol bdew tajjeb fejn għamlu l-ewwel seba’ punti tal-partita. Mellieħa kellhom ir-risposta bi three pointers minn Rihards Polis u Robert Loporto bil-Luxol ikollhom il-punti ta’ Rutledge, Stefan Capello u Abraham Portelli u għalqu s-sessjoni 18-11 minn fuq. It-tieni sessjoni kienet dominata min Luxol fejn ħallew lil Mellieħa fuq żewġ baskets biss. Luxol kellhom fost l-oħrajn tlett trippli minn Jean Paul Schembri u diversi punti ta’ Rutledge biex daħlu jistrieħu 43-15 minn fuq.

Wara l-intervall, l-logħob kien aktar maqsum fejn Mellieħa kellhom ukoll break qasir 7-0 bi trippla ta’ Polis. Luxol wieġbu bil-punti ta’ Capello u Rutledge b’Polis jagħmel trippla oħra għal Mellieħa għal skor ta’ 58-31. Fl-aħħar taqsima Luxol komplew iżidu l-vantaġġ tagħhom fejn għamlu run oħra ta’ 16-2 biex rebħu l-partita 83-41.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 10, M. Farrugia, J. Muscat 3, S. Aquilina, R. Polis 16, R. Loporto 8, J. Aquilina 2, P. Cauchi, B. Soler 2, P. Magro.

Bupa Luxol: CJ Cordina, A. Portelli 6, J. Willoughby 4, E. Bonello, JP Schembri 12, N. Andrejevic, S. Visser, O. Rutledge 42, A. Micallef Trigona 2, JP Bonnici 11, S. Capello 6.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Luis Abuin.

A to Z Electronics Athleta 76

Pavi Depiro 70

(21-10)(18-23)(22-20)(15-17)

Bil-kwalifikazzjoni aċċertata fl-ewwel leg, iż-żewġ timijiet offrew partita sabiħa bic-champions AtoZ Electronics Athleta jerġgħu joħorġu rebbieħa 76-70 fuq Pavi Depiro. Athleta li kellhom lura lil Michael Naudi bdew tajjeb u kellhom run ta’ 13-0 fl-ewwel sessjoni. Depiro wieġbu b’żewġ trippli ta’ Timothy Zammit bl-Athleta jkollhom break ieħor ta’ 8-0 u temmew is-sessjoni 21-10 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-logħob kien aktar maqsum bl-Athleta jżidu l-vantaġġ wara t-three pointers t’Omar Said bid-Depiro jkollhom il-punti ta’ Marco Todorovic u fl-intervall Athleta kienu 39-33 minn fuq. Fit-tielet taqsima Depiro naqqsu d-distakk saħansitra għal punt 45-46 bl-Athleta jkollhom il-baskets ta’ Chad Patus u Matthew Gouder. Fl-aħħar sessjoni Joe Galea ta spazju lil players ta’ fuq il-bank però Athleta xorta baqgħu fuq quddiem sat-tmiem u rebħu l-partita 76-70.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 6, R. Vella 4, F. Mifsud Bonnici, C. Patus 24, A. Aquilina 9, M. G. Montaldo, O. Said 22, M. Gouder 9, I. Tanti 2, S.Schembri.

Pavi Depiro: J. Attard 4, D. Farrugia 2, R. Rizzo 2, T. Zammit 9, N. Grech, M. Todorovic 26, S. Zammit 17, K. Xuereb 4, M. Borg, S. Saakian 6.

Referees: Clive Terribile, Zvezdan Dobrosaviljevic, Luis Abuin.

Cynergi Virtus 85

Remax Citadel Siġġiewi 63

(27-14)(23-7)(17-22)(18-20)

Cynergi Virtus ukoll bdew din il-partita b’vantaġġ komdu wara r-rebħa fl-ewwel leg. Virtus kellhom run ta’ 14-3 fl-ewwel taqsima biex kienu diġa 10 minn fuq 18-8 sas-seba’ minuta. Siġġiewi kellhom il-punti ta’ Billy Zammit u Adrian Micallef però Virtus kienu 27-14 minn fuq. Fit-tieni taqsima Virtus b’diversi punti tal-Amerikan Evan Bruinsma, Ivan Buldakov u trippla ta’ David Bugeja u fil-halftime kienu 50-21 minn fuq. Fit-tielet perjodu Siġġiewi bdew aħjar bi break ta’ 7-2. Virtus ukoll irrispondew b’diversi trippli minn Shawn Pace, Buldakov u l-baskets ta’ Bruinsma għal skor ta’ 67-43. Fl-aħħar taqsima Siġġiewi wkoll kellhom it-trippli minn Zammit, Steve Sammut u John Paul Antonic. Virtus kellhom diversi żagħżagħ fuq il-court u uħud minnhom bħal Alec Felice Pace, Thomas Grech u Francois Bartolo kellhom is-sodisfazzjon li jniżżlu isimhom fost l-iskorers biex Virtus rebħu l-partita 85-63.

Cynergi Virtus: S. Pace 9, D. Bugeja 10, R. Bonnici, A. Schembri 2, E. Bruinsma 38, A. Felice Pace 2, T. Grech 2, I. Buldakov 9, G. Coleiro 9, P. Shoults, F. Bartolo 4.

Remax Citadel Siġġiewi: B. Zammit 15, JP Antoncic 3, S. Sammut 5, M. Matijevic 8, R. Carabott 4, A. Micallef 17, B. Bartolo, L. Grima, M. Mallia 5, K. Tribett 6.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Cesar Baena.

Bupa Luxol 86

Mellieħa Mr. Green 56

(25-8)(19-14)(23-3)(19-31)

L-aħħar partita kienet bejn Bupa Luxol u Mellieħa Mr. Green bil-Luxol kif mistenni jirrepetu s-suċċess li kellhom li fl-ewwel leg. Għal darb’oħra l-Amerikan Orlando Rutledge kien il-protagonist b’49 punt b’Rihards Polis ta’ Mellieħa jispiċċa b’21 punt kollha minn three pointers. Luxol għamlu l-ewwel tlettax –il punt tal-partita u komplew jiddominaw biex temmew l-ewwel sessjoni 25-8 minn fuq. Fit-tieni taqsima Mellieħa qasmu aktar il-logħob fejn bdew ġejjin it-trippli ta’ Polis iżda Rutledge waħdu għamel run ta’ 8-0 fl-aħħar żewġ minuti biex fl-intervall Luxol kienu 44-22 minn fuq. It-tielet taqsima kienet kważi kollha f’idejn il-Luxol fejn ħallew lil Mellieħa fuq tlett punti biss. Rutledge kellhu erba’ three pointers flimkien ma’ baskets minn Stefan Capello, Jean Paul Bonnici u Andrew Micallef Trigona għal skor ta’ 67-25. L-aħħar taqsima kienet l-aħjar waħda ta’ Mellieħa hekk kif Luxol kellhom diversi żgħażagħ fuq il-court. Polis kellhu erba’ trippli oħra fl-ewwel ħames minuti flimkien ma’ tlett baskets ta’ Robert Loporto. Finalment kienu Luxol li rebħu l-partita 86-56 biex issa jiltaqgħu kontra Floriana fis-semifinali.

Bupa Luxol: CJ Cordina, A. Portelli 4, J. Willoughby 6, E. Bonello, JP Schembri, N. Andrejevic 6, S. Visser, O. Rutledge 49, A. Micallef Trigona 6, JP Bonnici 7, S. Capello 8.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 7, M. Farrugia, J. Muscat, S. Aquilina 6, R. Polis 21, R. Loporto 14, J. Aquilina 2, P. Cauchi 4, P. Magro 2.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Cesar Baena.





Leave a comment