L-ebda sorpriża fir-round preliminari

Tuesday, January 22, 2013, 0:47

minn Colin Schembri

Starlites 55

Mellieħa 39

(17-12)(15-10)(3-13)(20-4)

 

Il-leaders tal-kampjonat Starlites kellhom jistennew sal-aħħar sessjoni biex għelbu l-isfida ta’ Mellieħa 55-39 fil-preliminari tal-Bank of Valletta knock out. Starlites li kienu diġa għelbu lil Mellieħa fil-kampjonat kellhom il-players kollha fil-waqt li Mellieħa kienu mingħajr Oliver Sammut. Il-partita bdiet bil-mod bil-Mellieħa 4-2 minn fuq sa’ nofs is-sessjoni b’żewġ baskets ta’ Matthew Cauchi. Saviour Bonnici għamel sitt punti konsekuttivi fosthom trippla pero’ Mellieħa ġabu l-iskor indaqs 10-10. Hawn Starlites reġgħu għamlu run ta’ 7-2 biex temmew is-sessjoni 17-12 minn fuq. Mellieħa bdew it-tieni perjodu b’basket ieħor ta’ Cauchi pero’ hawn sofrew run ta’ 15-2 minn Starlites b’diversi punti ta’ Robert Bonnici għal skor ta’ 32-16. Mellieħa ġew lura bi break qasir ta’ 6-0 biex fl-intervall Starlites kienu 10 minn fuq 32-22.

Fit-tielet sessjoni l-istorja nbidlet hekk kif Starlites ma bdewx jagħmlu baskets. Mellieħa għamlu 11 –il punt kollha minn Cauchi flimkien ma’ Samuel Aquilina biex fit-tmien minuta ġabu l-iskor indaqs 35-35. Fl-aħħar żewġ minuti ma sarux iktar punti pero’ kif fetħet ir-raba’ sessjoni f’temp ta’ minuta u nofs Saviour Bonnici għamel seba’ punti bi trippla biex reġa ta l-vantaġġ lil Starlites. Huma komplew b’run oħra ta’ 7-2 biex reġgħu marru 10 minn fuq 49-39 u għalqu l-partita bil-punti ta’ Robert Loporto biex ħarġu rebbieħa 55-39.

 

Starlites: A. Schembri, R. Loporto 8, R. Bonnici 9, J.C. Khalil 6, S. Bonnici 21, D. Garcia 2, C. Doublet, K. Galea, G. Szokreny 7, B. Soler, A. Cutajar 2, F. Bartolo.

Mellieħa Tritones: M. Cauchi 20, J. Muscat 2, B. Borg, P. Magro, S. Aquilina 14, J. Aquilina 4, E. Cutajar, M. Borg Anastasi, H. Fenech.

Referees: Emannuel Mangani, Clive Terribile.

 

St. Nicholas Suns 58

Floriana 55

(19-10)(17-8)(14-15)(16-22)

 

Floriana kienu viċin li jeleminaw lil St. Nicholas Suns minn din il-kompetizzjoni meta fl-aħħar ħinijiet kellhom diversi blalen pero’ m’approfittawx minnhom. B’hekk Suns rebħu 58-55 biex kisbu t-tielet rebħa tagħhom fuq l-avversarji dan l-istaġun. Floriana kienu mingħajr Adrian Baldacchino li kien promoss fl-iskwadra tal-ewwel diviżjoni. Għal Suns irritorna Robert Camilleri li pero’ ma lagħabx. Floriana bdew tajjeb bi three pointer ta’ Jeremy Curmi u Rihards Polis biex fetħu vantaġġ ta’ 6 punti 10-4. Suns wieġbu bil-baskets ta’ Keith Scicluna u Robert Mercieca pero’ baqgħu punt minn taħt fi tmiem is-sessjoni 9-10. Fit-tieni perjodu Suns marru fuq quddiem 16-12 pero’ Curmi kellhu żewġ trippli konsekuttivi biex reġa’ poġġa lil Floriana minn fuq 18-12, Hawn Suns għamlu run ta’ 10-0 biex daħlu jistrieħu 8 minn fuq 26-18.

Wara l-intervall Suns bdew bi trippla ta’ Michael Barberi u komplew biex kabbru l-vantaġġ għal 13 –il punt 33-20. Il-vantaġġ ta’ Suns kompla jikber għal 17 –il punt 40-23 pero’ Floriana għamlu run ta’ 10-2 bi trippla ta’ Adrian Pace u fi tmiem is-sessjoni Suns kienu 42-33 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Floriana kellhom diversi three pointers minn Mark Pace u Polis u naqqsu d-distakk għal 4 punti 44-48. Il-partita sbieħet u minkejja li Suns żiedu l-vantaġġ wara punti minn Hubert Agius 52-44, Floriana reġgħu wieġbu bi trippla oħra ta’ Pace. Fl-aħħar ħinijiet id-distakk niżel għal punt wieħed 54-53 u hawn Floriana għamlu 3 turnovers konsekuttivi. Madankollhu xorta kellhom ċans jippareġjaw il-partita imma t-trippla ta’  Curmi ġiet imblukkata minn Agius biex Suns ħadu r-rebħa 58-55.

 

St. Nicholas Suns: K. Scicluna 9, S. Borg, R. Camilleri, J. Paris, H. Agius 18, M. Barberi 5, R. Formosa 2, R. Mercieca 12, R. Camilleri, S. Cauchi 2, I. Marjanovic 10.

Floriana: G. Cordina, R. Polis 11, J. Curmi 14, M. Pace 8, E. Farrugia 11, A. Pace 3, O. Shamala 8, A. Camilleri.

Referees: Alfred Carbonaro, Clive Terribile.

 

Siġġiewi 62

Phoenix Qormi Żmerċ Pub 36

(14-7)(17-8)(16-11)(15-10)

 

Siġġiewi saru l-aħħar team li kkwalifika għas-semifinali wara li għelbu lil Phoenix Qormi Żmerċ Pub 62-36. Petar Vulovic għadu nieqes għal Siġġiewi pero’ ġie lura Lee Grech mill-ewwel diviżjoni. Għal Phoenix kien hemm ir-ritorn ta’ Clayton Debono pero’ kien nieqes Trevor Grech. Il-punti damu biex waslu fil-bidu tal-partita u kien wara tlett minuti u nofs li Siġġiewi fetħu l-iskor minn Graham Coleiro. Huma komplew b’run ta’ 8-0 biex fis-seba’ minuta waslet ir-risposta ta’ Phoenix bi trippla ta’ Antoine Costa. Sat-tmiem kien hemm ukoll trippla ta’ Alister Duncan għal Siġġiewi u punti tal-Ungeriż Andres Toompere għal Phoenix biex is-sessjoni ntemmet bis-Siġġiewi 14-7 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima reġa’ kellna nuqqas ta’ punti tant li sar-raba’ minuta saru biss 4 punti minn Siġġiewi għal skor ta’ 18-7. Siġġiewi komplew jisirqu diversi blalen u jikkonvertuhom f’punti minn fast breaks ta’ Lee Grech u trippla ta’ Anthony Shoults. Qabel intemmet is-sessjoni, Toompere għamel trippla għal Phoenix flimkien ma’ basket ta’ Debono għal skor ta’ 31-15.

Phoenix fetħu t-tielet perjodu bi trippla oħra ta’ Costa pero’ Siġġiewi kellhom oħra minn Glenn Gauchi Grech fi break qasir ta’ 5-0. Sa’ nofs is-sessjoni Siġġiewi kienu għadhom 16 minn fuq 36-20 pero’ Debono kellhu tlett baskets għal Phoenix biex naqqsilhom id-distakk. Siġġiewi għalqu l-perjodu bi break ieħor ta’ 7-0 għal skor ta’ 47-26. L-aħħar taqsima fetħet b’żewġ trippli ta’ Siġġiewi minn Grech u Samuel Mamo, b’Karl Azzopardi jwieġeb għal Phoenix. Coleiro kompla jżid il-punteġġ tiegħu u ta’ Siġġiewi li kellhom run oħra ta’ 7-2 biex temmew il-partita fuq in-naħa rebbieħa 62-36.

 

Siġġiewi: A. Duncan 5, S, Mamo 3, G. Gauchi Grech 7, JP Antoncic 2, L. Grima 2, L. Grech 9, A. Debattista 4, A. Cutajar, C. Kodomaris 9, G. Coleiro 16, A. Shoults 5.

Phoenix Qormi Żmerċ Pub: C. Camenzuli, G. Micallef, J. Vassallo 1, K. Azzopardi 2, D. Debattista, R. Curmi 2, K. Genovese, C. Debono 11, A. Costa 8, K. Caruana, A. Toompere 12.

Referees: Alfred Carbonaro, Clive Terribile

 





Leave a comment