- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

L-ebda problema għac-champions AtoZ Electronics Athleta

Posted By sportinmalta1 On October 13, 2014 @ 5:24 pm In Basketball,Featured | No Comments

ST. JAMES HOSPITAL SUPER CUP IRĠIEL

minn Colin Schembri

AtoZ Electronics Athleta 119

Pavi Depiro 53
(30-13)(28-26)(30-13)(31-11)

Ic-champions AtoZ Electronics Athleta rebħu t-tieni unur tal-istaġun meta fil-finali tas-St. James Hospital Super Cup għelbu lil Pavi Depiro 119-53. Kif juri r-riżultat finali, kienet evidenti d-differenza bejn iż-żewġ timjiet. Athleta b’team b’saħħtu li kompla jissaħħaħ u Depiro bil-maqlub, team żagħżugħ li għad irid isib saqajh fil-basketball tal-ewwel diviżjoni. Dan kien is-sitt suċċess konsekuttiv tal-Athleta f’din il-kompetizzjoni u t-tnax –il wieħed fl-istorja tagħhom u wasal ġimgħa wara r-rebħ tat-tournament tal-50 anniversarju tal-MBA. Athleta ntroduċew għall-ewwel darba liż-żagħżugħ Miguel Gauchi Montaldo però kien nieqes Sebastien Bishoff. Athleta mal-ewwel bdew tajjeb u bil-punti ta’ Michael Naudi, Chad Patus u Isaac Tanti flimkien ma’ trippla ta’ Omar Said u f’nofs is-sessjoni kienu 15-4 minn fuq bir-risposta ta’ Depiro tasal minn Samuel Zammit. Wara baskets ta’ Marco Todorovic għal Depiro u trippla ta’ Timothy Zammit, Athleta komplew bi break ieħor ta’ 8-0 bit-tieni trippla ta’ Said għal skor ta’ 30-13. It-tieni sessjoni kienet aktar missielta fejn Athleta bdew b’run oħra ta’ 9-2 bil-punti ta’ Said u Patus. Hawn Depiro kellhom mument posittiv b’disa’ punti mingħajr risposta u trippla oħra ta’ Zammit. Athleta malajr reġgħu irrispondew u f’temp ta’ żewġ minuti għamlu break ta’ 11-0 bi trippla ta’ Patus u fl-aħħar minuta għamlu ħames punti oħra u daħlu jistrieħu 58-29.

Athleta komplew fejn ħallew wara l-intervall b’ħames punti oħra qabel ma ż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin għal xi ħin però Athleta żammew vantaġġ komdu ta’ 33 punt 70-37. Said kiseb seba’ punti konsekuttivi flimkien ma’ Roderick Vella u ż-żagħżugħ Matthew Gouder għal skor ta’ 88-42. Fl-aħħar taqsima l-partita kompliet bl-istess andament u ma kienitx sorpriża li fil-ħames minuta Vella għaqqad il-mitt punt. Athleta ma waqfux hawn u temmew il-partita bi break ieħor ta’ 14-2 bi trippli minn Naudi u Patus biex ħarġu rebbieħa 119-53. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain tal-Athleta Michael Naudi.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 22, R. Vella 13, C. Patus 32, A. Aquilina 10, M. G. Montaldo, O. Said 26, M. Gouder 9, I. Tanti 7.

Pavi Depiro: J. Attard, D. Farrugia, D. Schembri 4, R. Rizzo 4, T. Zammit 8, N. Grech 2, M. Todorovic 23, R. Zammit, S. Zammit 6, K. Calleja, M. Borg 6, R. Grima.

Referees: Bernard Vassallo, Luke Camilleri, Emanuel Mangani


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/l-ebda-problema-ghac-champions-atoz-electronics-athleta/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.