L-atleta Charlton Debono magħżul bħala l-iSportiv tas-sena f’Għawdex

Monday, April 10, 2017, 22:08

Gavin Muscat

Nhar is-Sibt, 8 ta’ April 2016 inżammet serata ferm imżewwqa organizzata mill-Bord Sportiv Għawdxi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, li fiha ġew ippremjati l-iSportivi Għawdxin għas-sena 2016.

Il-qofol tas-serata li nżammet fil-Grand Hotel, l-Mġarr, kienet il-premjazzjoni lill-iSportiv Għawdxi fejn dan l-unur intrebaħ mill-atleta popolari Charlton Debono. L-unur tal-iSportiva tas-Sena ntrebaħ mit-triathlete Felicienne Mercieca. L-unuri l-oħra mirbuħa kienu Paul Camilleri (Atletika) bħala l-Uffiċjal tas-Sena u t-tim Feminili tal-Football tat-Tfajliet kien magħżul bħala t-Tim tas-Sena. Maria Farrugia (Football) u Brandon Sultana (Ciklizmu) rebħu l-kategoriji rispettivi taż-Żagħżugħa u ż-Żagħżugħ Promettenti rispettivament. Ingħataw wkoll Premijiet Speċjali lil Nicole Grima (Special Olympics), l-amministratur veteran sportiv Michael Angelo Camilleri għal karriera sportiva tiegħu u lil Joe Bajada għal ħidma kbira li huwa wettaq u għadu jwettaq fil-qasam sportiv għal iktar minn 45 sena.

Barra minn dawn il-premjazzjonijiet, is-serata kienet imżewwqa wkoll minn mużika mill-Band Għawdxija DCapital taħt it-tmexxija tas-Surmast Joseph Debrincat u bis-sehem tal-kantanti promettenti Għawdxin Jolene Samhan, Francesca Sciberras u Kelly Grima. Intwerew ukoll video clips dwar diversi attivitajiet sportivi Għawdxin li nżammu matul is-sena 2016 f’Għawdex, kif ukoll saret preżentazzjoni fuq Natatorium Complex minn Nathan Farrugia. Interessanti w apprezzat ferm kien il-messaġġ mibgħut mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius fl-assenza tiegħu minħabba li għadu qed jirkupra mill-inċident sfortunat li kellu ftit tal-jiem ilu.

Preżenti għas-serata kien hemm il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo li tkellem dwar kemm kienet għażla xierqa dik li għamel fit-twaqqif tal-Gozo Sports Board tliet snin ilu fejn l-iSport f’Għawdex organizza ruħu u mexa ‘l quddiem. Dan kollu jixhdu r-riżultat tas-serata fejn dejjem iktar qed jiżdiedu Champions Għawdxin minn diversi dixxiplini Sportivi fejn issa Għawdex qed ipoġġi ismu wkoll fix-xena sportiva Maltija. U dan huwa dak li dejjem ħolom dan il-gvern għal Għawdex anke dak li jitwettaq fil-qasam Sportiv, jiġifieri li Għawdex ma jkunx estensjoni ta’ Malta iżda jkollu r-riedni tiegħu nnifsu.

Il-Ministru Refalo kompla jgħid li dak li sa tliet snin ilu l-Għawdxin forsi kienu jafu biss b’xi tliet dixxiplini ewlenin, għax l-oħrajn kienu jiġu organizzati b’mod ferm rimot. Illum taħt l-Gozo Sports Board hemm madwar 30 dixxiplina għal din in-naqra ta’ gżira ċkejkna. Huwa semma wkoll il-programm televiżiv, ‘Sport Għawdex’ li bil-produzzjoni professjonali li jittella għen mhux ftit biex kull dixxiplina Sportiva f’Għawdex ingħatat l-ispazju u l-għarfien tagħha u bis-saħħa t’hekk dawn id-dixxiplini qed ikomplu jiġbdu aktar tfal u żgħażagħ fl-assoċjazzjonijiet tagħhom.

Iżda bħalma jħobb jtenni dan il-gvern, dan għadu mhux biżżejjed, kompla jgħid il-Ministru Refalo. Huwa zied jghid li veru li twettaq ħafna xogħol fl-infrastruttura u faċilitajiet sportivi, iżda qabel ma jara l-holqien tal-pixxina bit-tfal, żgħażagħ u anzjani jagħmlu użu minna mhux ser ikun kuntent u wiegħed li din il-ħolma Għawdxija tinsab qrib ħafna li jinbeda x-xogħol fuqha. Huwa  rringrazzja għall-koperazzjoni kbira li teżisti fil-qasam sportiv bejn il-Gozo Sports Board u SportMalta li permezz ta’ Chris Agius u l-Kap Eżekuttiv Mark Cutajar fejn dejjem waslet l-għajnuna kull meta kien meħtieġ.

Il-Ministru għal Għawdex temm id-diskors tiegħu billi ħabbar li dawk il-ġenituri li għandhom tfal u atleti li jieħdu sehem fl-iSpecial Olympics ser ikollhom ississudjati il-biljetti tal-Gozo Channel b’xejn bil-karrozza b’kollox biex ikunu jistgħu jniżżlu Malta lill-uliedhom għat-taħriġ. Finalment huwa radd ħajr lil ħaddiema kollha tal-Gozo Sports Board mill-kbir saż-żgħir għax-xogħol ferm siewi li qed jagħmlu biex iżommu fl-ahjar kundizzjonijiet il-faċilitajiet sportivi li għandna f’Għawdex u dan għal ġid tat-tfal u żgħażagħ Għawdxin li huma l-futur tal-gżira li tant inħobbu, Għawdex.

Messaġġi oħra li saru matul is-serata kienu mid-Direttur Joyce Farrugia, mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex John Borg, mill-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar, mic-Chairman ta’ Sport Malta l-Hon. Luciano Busuttil, kif ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Bord Sportiv Għawdxi Alvin Grech.

Din is-serata li għaliha attendiet folla ferm numeruża, kienet ippreżentata minn John Busuttil, filwaqt li l-gurija iffumata minn ħames persuni vvutaw b’mod transparenti fis-sitt kategoriji.

————————————————————————————————————————————————————-

REBBIEĦA

Sportiv tas-Sena:- Charlton Debono – Altetika

Charlton Debono kien fl-aqwa forma fiżika matul l-2016 fejn ħareġ rebbieħ f’kull maratona tal-5, 8 u 10 kilometri u nofs li ha sehem fihom, madwar 20 waħda fejn ukoll wettaq rekords ġodda f’uħud minnhom. Fil-preżent għadu l-aqwa f’Malta għall-long distance athlete. Ħa sehem f’iktar minn okkażjoni waħda barra minn xtutna fosthom fin-Nofs Maratona ta’ Valencia fi Spanja fejn spiċċa fit-33 post minn fost 13,000 maratoneta fejn waqqaf rekord Nazzjonali.

Sportiva tas-Sena:- Felicienne Mercieca – Triathlon

Felicienne Mercieca li matul il-karriera tagħha lagħbet kemm il-Basketball kif ukoll il-football, dan l-aħħar hija ffokat fuq it-Triathlon u f’temp ta’ sena saret waħda mill-aqwa Tri-atleti ġewwa Malta. Anke fil-qasam ċiklistiku, hija spiċċat fit-tielet post tal-kampjonat Nazzjonali tat-Time Trial. Mercieca hija l-ewwel u l-unika tfajla Għawdxija li tieħu sehem fit-Triathlon u ġiet ippremjata bit-tielet post fil-Malta Triathlete tas-Sena għad-diversi suċċessi li kisbet.

Uffiċjal tas-Sena:- Paul Camilleri – Atletika

Paul Camilleri matul l-aħħar sena kien involut f’diversi inizjattivi fejn ikkordina tournament Triangolari għal darbtejn li ospita ‘il fuq minn disgħin atleta minn Malta kif ukoll minn Għawdex. Organizza ukoll avvenimenti atletiċi, kif ukoll huwa l-Head Coach ta’ l-Athletix AC u jgħallem l-atletika fis-Saturday Club Day u matul il-ġranet tal-ġimgħa wara l-ħinijiet skolastiċi.

Żagħzugħa Promettenti:- Maria Farrugia – Football

Maria lagħbet ma’ Gozo FC fejn rebħet il-kampjonat tan-Nisa tat-Tieni Diviżjoni tal-MFA u ngħatat l-Unur bħala l-Aħjar Player U/16 mill-Gozo Youth FA. Bħala unuri individwali hija spiċċat bħala l-Aqwa Skorer kemm fl-U/16, kif ukoll fit-Tieni Diviżjoni tal-MFA. Maria fis-sena 2016 ntagħżlet mat-tim Nazzjonali Malti tal-U/16 fejn ħadet sehem f’diversi logħbiet fejn anke skurjat doppjetti kontra r-Rumanija u l-Montenegro.

Żagħzugħ Promettenti:- Brandon Sultana – Ciklizmu

Brandon Sultana kiseb diversi suċċessi fil-qasam Nazzjonali taċ-Ċikliżmu fl-2016, fl-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni tiegħu. Huwa rebaħ it-titlu ta’ Champion Nazzjonali ta’ Malta tal-Junior tal-Mountian Bike, kif ukoll kellu suċċessi fit-tiġrijiet organizzati mill-Malta Cycling Federation fejn  fil-Kampjonat tar-Road Race spiċċa fit-tieni post, filwaqt li f’dak tat-Time Trial ikklassifika fit-tielet post.

Tim tas-Sena:- Tim Feminili Għawdxi tal-Football

It-tim tan-Nisa ta’ Gozo FC spiċċaw champions tat-tieni diviżjoni bi 52 punt, 12 il-punt vantaġġ fuq Swieqi United. Huma lagħbu 18 il-partita fejn rebħu 17 u ġew draw fil-logħba l-oħra. B’hekk huma spiċċaw il-kampjonat mhux mgħeluba. Is-suċċess tagħhom ikompli jikber fejn kellhom l-aħjar attakk fejn skurjaw 90 gowl għal medja sabiħa ta’ 5 gowls f’kull partita, filwaqt li wkoll kienu t-tim bl-aħjar difiża fejn soffrew 13 il-gowl biss għal medja 0.7 gowl f’kull partita.

Premju Speċjali:- Nicole Grima (Special Olympics)

Nicole Grima, tfalja ta’ 14 il-sena ilha għal dawn l-aħħar 12 il-xahar titħarreġ ma’ Special Olympics Malta. Hija titrenja l-Għawmġewwa pixxina Nazzjonali tal-Qroqq, kif ukoll fl-Atletika u l-Football ġewwa l-gżira ta’ Għawdex flimkien ma’ atleti oħra ta’ Special Olympics. F’Ġunju li għadda, għall-ewwel darba, Nicole ħadet sehem fi Special Olympics Malta National Games fejn ħadet sehem fl-isport tal-Għawm u rnexxielha tirbaħ żewġ midalji, dik tad-Deheb fil-25 metru Freestyle u l-midalja tal-Bronż fil-25 metru Backstroke. Nicole qed tħares ‘l quddiem biex tkompli tgħolli l-livell tagħha b’iktar taħriġ speċifikat li tiddebutta fix-xena internazzjonali barra minn xtutna.

Rikonoxximent għal Karriera Sportiva:- Michael Angelo Camilleri

L-imħabba ta’ Michael Angelo Camilleri lejn l-isport trawmet u sabet żvog fl-Oratorju Don Bosco fir-Rabat fejn flimkien ma’ sħabu, kienu jilgħabu l-futbol, table tennis, billiards u anke xi cross-country qasira. Fl-1956 irreġistra mat-tim tas-Salesian Youths, iżda wara żewġ staġuni ssieħeb ma’ Victoria Hotspurs. Wara huwa beda jikkowċja lill-istess tim kemm dak tal-minors kif ukoll dak tal-kbar. Għamel żmien ġurnalista tal-football Għawdxi, kif ukoll beda jirrefja l-football tal-minors. Huwa serva wkoll fil-kumitat ta’ Hotspurs fejn għamel snin bħala segretarju tal-klabb u membru tal-kunsill tal-GFA. Michael huwa wkoll l-awtur tal-istorja tal-klubb ta’ Victoria Hotspurs.

Apprezzament Speċjali:- Joe Bajada

B’karriera sportiva ta’ iktar minn 45 sena Bajada ta s-servizzi tiegħu bħala Referee tal-football, Match Inspector, Direttur ta’ Tournaments Internazzjonali, Amministratur, Membru f’diversi Bordijiet Sportivi u anke Kummissarju Elettorali tal-MFA. Huwa ppublika diversi kotba dwar il-Football Għawdxi, kif ukoll Annwali tal-Għaqda Kittieba Sport. Serva għal għaxar snin bħala ċ-Chairman tal-Gozo Sports Board, kif ukoll kien f’diversi Bordijiet tal-Kunsill Malti għall-iSport, tal-MFA u l-GFA. Ħa sehem f’diversi seminars sportivi kemm lokalment kif ukoll Internazzjonalment. Kien onorat diversi drabi bħala l-Uffiċjal tas-Sena tal-GFA u mogħti l-Pin tad-Deheb mill-AIPS u sentejn ilu kien maħtur Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u delegat fil-European Cycling Union. Kien fuq mozzjonijiet tiegħu li l-UEC waqfet il-Kummissjoni tal-iStati ż-Żgħar tal-Ewropa, kif ukoll li ta’ kull sentejn jibda jkun organizzat il-kampjonat taċ-ċikliżmu għall-istess Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. Bajada fi Frar li għadda kien onorat bir-Rikonoxximent tal-Aħjar Sportiv Għawdxi, mogħti għall-Aħjar Atleta, Amministratur jew Uffiċjal Għawdxi waqt il-Malta Sports Awards. U f’Marzu li għadda waqt l-Kungress Annwali Ġenerali 2017 tal-UEC, Joe Bajada kien elett f’kariga mportanti fejn ser jifforma parti minn 15 il-delegat li ser ikollhom id-dritt li jkunu huma li jivvutaw f’isem il-50 pajjiz membru affiljat Ewropej waqt il-Kungress Annwali Ġenerali tal-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċikliżmu li ser issir f’Settembru li ġej fin-Norveġja.

————————————————————————————————————————————————————-

Gallery

Brandon Sultana

————————————————————————————————————————————————————-

Charlton Debono

————————————————————————————————————————————————————-

Felicienne Mercieca

————————————————————————————————————————————————————-

Gozo Female Team

————————————————————————————————————————————————————-

Joe Bajada

————————————————————————————————————————————————————-

Maria Farrugia

————————————————————————————————————————————————————-

Michael Angelo Camilleri

————————————————————————————————————————————————————-

Nicole Grima

————————————————————————————————————————————————————-

Paul Camilleri

 





Leave a comment