L-Aktar idejn siguri jirbħu l-BOV Water Polo Plejers tax-Xahar għal Lulju 2019

Tuesday, August 20, 2019, 12:12

Il-gowler ta’ Sirens Nicholas Grixti u l-gowler ta’ Marsaskala Jurgen Micallef huma l-BOV Water Polo Plejers tax-Xahar għal Lulju 2019 fil-Kampjonat BOV Premier u fil-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni, rispettivament.

Il-gowler tat-tim nazzjonali Grixti ilu għaddej b’sensiela ta’ sejvs eċċellenti matul l-istaġun kollu li wassal lit-tim tiegħu fil-play-offs tal-Kampjonat BOV Premier. Logħba eċċezzjonali għal Grixti kontra Sliema wasslet lit-tim tiegħu biex jikseb drow ta’ 8-8 kontra l-Blues fejn saħansitra ċaħħad lil Norbert Hoznyansky milli jiskorja mil-linja tal-penalty.

Jurgen Micallef kien strumentali biex Marsaskala kkwalifikaw għall-finali tal-Kampjonat BOV Knockout tal-Ewwel Diviżjoni u anke kien ta’ ispirazzjoni għalihom fir-rebħa tagħhom ta’ 17-14 kontra Valletta li jinsabu aktar ’il fuq fil-klassifika.

Stefan Abela mid-Dipartiment tal-PR u l-Marketing tal-Bank of Valletta ppreżenta plakka kommemorattiva liż-żewġ gowlers.

Il-Bank of Valletta huwa sostenitur ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta u ilu s-sostenitur prinċipali tal-Assoċjazzjoni tal-Isport Akkwatiku ta’ Malta mill-2008.





Leave a comment