L-aħħar ġurnata tiddeċiedi l-klassifika finali

Monday, March 3, 2014, 22:21

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

minn Colin Schembri

Remax Citadel Siġġiewi 82

AtoZ Electronics Athleta 68

(29-16)(17-9)(12-28)(24-15)

Remax Citadel Siġġiewi kisbu l-ewwel rebħa tagħhom kontra AtoZ Electronics Athleta meta għelbuhom bl-iskor ta’ 82-68. Athleta kellhom nieqes lil Chad Patus li kien biss spettatur fuq il-bank u n-nuqqas tiegħu inħass. Siġġiewi li għal darb’oħra kienu mingħajr Chris Sammut raw vantaġġ ta’ 21 punt jinżel għal ħames punti u kien biss fl-aħħar sessjoni li serrħu rashom mir-riżultat. Fatt kurjuż li ġara f’din il-partita kien li wara li Chris Meier għamel ir-raba’ foul, inbidel però fl-istess waqt inagħta technical foul li għall-ewwel ġie msaffar fuqhu però ħin wara d-deċiżjoni nbidlet u l-istess player kompla l-partita minkejja l-protesti tal-bank tal- Athleta. Il-partita kellha bidu bilanċjat biż-żewġ timijiet iwieġbu lil xulxin. Hawn Siġġiewi kellhom mument tajjeb bi break ta’ 14-3 bl-ewwel punti ta’ Ivo Hoger u trippli minn Lee Ross u Steve Sammut. Athleta kellhom ir-risposta minn David Bugeja u Shawn Pace b’Sammut jagħmel trippla oħra għal Siġġiewi li temmew is-sessjoni 29-16 minn fuq. It-tieni taqsima bdiet bil-baskets ta’ Hoeger u Chris Meier għal Siġġiewi fil-waqt li Sebastien Bischoff wieġeb għall-Athleta. Sammut reġa żied il-vantaġġ ta’ Siġġiewi bi trippla però anke Bugeja għamel trippla għall- Athleta għal skor ta’ 37-25. Hawn Siġġiewi kellhom run ta’ 9-0 bi trippli ta’ Meier u Sammut biex daħlu jistrieħu 46-25.

Athleta ħarġu ħafna aktar determinati wara l-mistrieħ u bis-Siġġiewi mifxula, huma kellhom run ta’ 13-2 bil-punti ta’ Steve Schembri, Omar Said, Naudi u Kristen Baldacchino. Ir-risposta ta’ Siġġiewi ġiet biss minn idejn Hoeger però Athleta komplew sejrin bi trippla ta’ Shawn Pace u huma għamlu run oħra ta’ 8-2 b’żewġ baskets ta’ Said biex naqqsu d-distakk għal ħames punti 53-58. Fl-aħħar sessjoni Athleta baqgħu viċin tal-avversarji però hawn Siġġiewi għamlu break deċisiv ta’ 10-2 b’żewġ baskets ta’ Meier u reġgħu kabbru l-vantaġġ għal 13 –il punt 70-57. Pace għamel trippla għal Athleta li kellhom ukoll basket ta’ Said pero Siġġiewi reġgħu għamlu run ta’ 12-2 fejn kellhom tlett three pointers oħra minn Sammut, Meier u Ross biex rebħu l-partita 82-68.

Remax Citadel Siġġiewi: C. Meier 18, A. Debattista, S. Sammut 24, E.Xuereb, L. Camilleri 2, A. Borg 2, L. Ross 11, J.P. Antoncic, I. Hoeger 20, M. Mallia, M. Matijevic 5.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 19, D. Bugeja 8, C. Patus, C. Galea, W. Spiteri, O. Said 10, S. Pace 8, K. Baldacchino 2, S. Bischoff 5, S. Schembri 14.

Referees: Emanuel Mangani, Stephen Micallef, Clive Terribile.

Starlites Naxxar BC 63

Pavi Depiro 86

(18-27)(10-9)(16-24)(19-26)

Pavi Depiro żammew l-ewwel post tal-klassifika ġimgħa qabel ma tintemm il-fażi regolari u jibdew il-play-offs meta kisbu rebħa komda fuq Starlites 86-63. Għal Depiro l-partita ħadet svolta sa’ mill-ewwel ħinijiet meta fl-ewwel żewġ minuti għamlu disa’ punti mingħajr risposta b’baskets minn Anton Axiaq, Matthew Adekponya u trippla ta’ Samuel Bartolo li kellhu wkoll basket. Wara li Starlites wieġbu bi trippla ta’ Robert Bonnici, Depiro komplew iżidu l-vantaġġ bi trippla oħra ta’ Bartolo flimkien ma’ baskets minn Adekponya u Isaac Tanti. Depiro kienu diġa disgħa minn fuq sat-tmiem l-ewwel sessjoni 27-18 u fetħu t-tieni waħda bi trippla oħra ta’ Vella. Starlites kellhom il-punti konsekuttivi ta’ Marco Todorovic però l-punti naqsu xi ftit fl-aħħar minuti biex Depiro daħlu jistrieħu 36-28 minn fuq.

Fit-tielet taqsima kienu Depiro li komplew iżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Bartolo, Vella u Tanti. Għal Starlites il-punti waslu biss minn Todorovic bl-eċċezzjoni ta’ basket minn Jonathan Zammit fl-aħħar attakk. Qablu Depiro kellhom run oħra ta’ 10-2 b’Adekponya u Bartolo jkollhom basket kull wieħed flimkien ma’ ieħor ta’ Axiaq u trippla ta’ Vella biex temmew il-perjodu 60-44 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni ż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom fejn Depiro bdew b’sitt punti ta’ Adekponya. Starlites kellhom il-baskets ta’ Bonnici u Todorovic qabel ma Depiro kellhom run ta’ 10-0 b’żewġ trippli minn Andrew Aquilina u Adekponya.  Eżatt wara, kienu Starlites li kellhom break ta’ 9-2 li għalquh bi trippla ta’ Jeremcy Curmi. Depiro għalqu l-partita bi trippla oħra minn Adekponya u basket ta’ Aquilina għal skor finali ta’ 86-63.

 

Starlites: M. Todorovic 39, R. Loporto 4, R. Bonnici 9, A. Schembri, S. Bonnici, J. Curmi,  A. Cutajar, J. Curmi 5, B. Soler 4, J. Zammit 2, G. Coleiro.

Pavi Depiro: R. Vella 21, M. Adekponya 23, N. Sultana 2, A. Aquilina 10, A. Portelli, S.P. Bartolo 15, A. Axiaq 6, E. Lupo 2, I. Tanti 7, M. Agius.

Referees: Stephen Micallef, Emanuel Mangani, Teemu Helenius.

 

Floriana Royce 82

Bupa Luxol 81

(12-12)(23-29)(27-15)(20-25)

Ic-champions Floriana Royce għelbu lil Bupa Luxol 82-81 f’rebħa li serviet biss għall-prestiġju hekk kif Floriana huma barra mill-play-offs. Dan ifisser li l-ewwel erba’ postijiet huma deċiżi għalkemm se tkun l-aħħar ġurnata li tiddeċiedi l-klassifika finali. Floriana flimkien ma’ Starlites issa jilgħabu fil-promotion pool kontra l-ewwel żewġ timijiet tat-tieni diviżjoni li però għadhom mhux magħrufa. Din kienet l-ewwel rebħa Furjaniża fil-kampjonat wara ħames telfiet u waslet bi grinta u wara rimonta tul il-partita u run ta’ 10-0 fl-aħħar żewġ minuti kienet determinanti. Luxol għat-tieni partita konsekuttiva kellhom l-aħħar pussess tal-partita li seta’ tahom ir-rebħa però tilfuh u tilfu l-partita. Luxol bdew bl-ewwel punti tal-partita mill-Amerikan Micheal Myres Keitt u Nikola Vasovic. Floriana kellhom it-trippli ta’ Peter Shoults biex ippareġjaw 8-8 u basket ta’ Clayton Calleja poġġijhom minn fuq 12-10 però Luxol ippareġjaw bl-ewwel basket ta’ Deguara. Fit-tieni sessjoni Luxol bdew aħjar u approfittaw mill-iżbalji ta’ Floriana fl-attakk u għamlu run ta’ 12-2 b’baskets minn Deguara u Myres Keitt biex fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 26-16. Iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin fejn kien hemm it-trippli ta’ Billy Zammit għal Floriana u oħra ta’ Jean Paul Schembri . Three pointer ieħor din id-darba minn David Camilleri ressaq lil Furjaniżi erba’ punti ‘l bogħod 33-37 bil-Lixol ikollhom żewġ basklets oħra u jidħlu jistrieħu 41-35 minn fuq.

Wara l-intervall Deguara kkometta t-tielet foul tiegħu u bih fuq il-bank, Floriana setgħu japprofittaw. Fil-fatt huma ħadu l-vantaġġ fil-ħames minuta 47-46 wara trippla ta’ Camilleri wara li aktar qabel kienu l-Amerikan Derek Elston  u Dirk Schembri li ressquhom viċin. Wara li Luxol reġħu marru minn fuq 52-50 wara punti ta’ Myres Keitt, Floriana għamlu break ieħor ta’ 10-0 b’żewġ baskets ta’ Schembri u trippla ta’ Camilleri u fetħu vantaġġ ta’ 8 punti però qabel intemmet is-sessjoni kien hemm trippla ta’ Myres Keitt għal skor ta’ 62-56 favur Floriana. Luxol innewtraliżżaw dan l-iżvantaġġ fl-ewwel żewġ minuti tal-aħħar perjodu wara baskets minn Marco Mercieca, Myres Keitt u Deguara li kompla bil-punti tiegħu biex poġġijhom minn fuq għalkemm kien hemm trippla oħra minn Camilleri. Iż-żewġ timijiet komplew iwieġbu lil xulxin għalkemm fis-seba’ minuta Luxol marru erbgħa minn fuq 76-72. Hawn Floriana kellhom run ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Camilleri u Elston. Luxol ma ċedewx u fl-aħħar minuta għamlu ħames punti b’basket ta’ Deguara u trippla ta’ Schembri għal skor ta’ 82-81. Floriana tilfu l-pusess wara pass żbaljat però Luxol m’approfittawx għax huma wkoll tilfu l-ballun biex Floriana ħadu r-rebħa.

 

Floriana Royce: O. Shamala, D. Elston 22, D. Camilleri 20, P. Shoults 8, S. Borg, B. Zammit 6, C. Calleja 2, D. Schembri 24.

Bupa Luxol: C.J. Cordina 2,  M. Mercieca 8, A. Micallef, N. Andrejevic, J. Willoughby, J.P. Schembri 6, N. Vasovic 4, J.P. Bonnici, M. Myres Keitt 32, A. Micallef Trigona, S. Deguara 29.

Referees: Stephen Micallef, Emanuel Mangani, Teemu Helenius.

 

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Pavi Depiro

9

7

2

16

684

605

Remax Siġġiewi Citadel

9

6

3

15

619

548

AtoZ Electronics Athleta

9

6

3

15

677

634

Bupa Luxol

9

4

5

13

690

634

Floriana Royce

9

3

6

12

627

669

Starlites

9

1

8

10

493

700





Leave a comment