L-14 -il edizzjoni tal-Maratona bir-Roti

Thursday, April 11, 2013, 17:30

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Stefan Buontempo, illum indirizza konferenza stampa li matulha ġiet imnedija l-14-il edizzjoni tal-Maratona bir-Roti organizzata mill-istudenti tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca u mill-assoċjazzjoni tal-istudenti passati ALPS. Il-ġbir minn din il-maratona ser imur għas-sorijiet tal-Ursolini li jieħdu ħsieb tfal ta’ bejn it-3 snin u 16-il sena.

 

Stefan Buontempo feraħ lill-organizzaturi għan-nom tal-Gvern għal dan il-ġest nobbli, ġest ta’ solidarjetà u ta’ mħabba. Buontempo qal li min jipparteċipa jkun qed jgħin u juri l-impenn tiegħu lejn dawk li għandhom xi forma ta’ bżonn.

 

L-Onor. Buontempo saħaq li meta nitkellmu fuq sports inkunu qed nitkellmu fuq kompetizzjoni jew aħjar spirtu kompetittiv, fuq is-saħħa u fuq parteċipazzjoni kollettiva. L-isports ifisser solidarjetà.

Stefan Buontempo tenna li l-isports irid ikun għal kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni bejn min għandu l-flus u min m’għandux. Huwa saħaq li l-gvern irid joħloq opportunitajiet biex kulħadd ikollu aċċess għall-faċilitajiet sportivi.

 

Kull tifel u tifla jrid ikollu dritt ta’ eżerċizzju fiżiku u għalhekk ser ikun qed jaħdem biex tiġi mnedija kampanja edukattiva kontra l-obeżità, qal Stefan Buontempo.

 

Is-Segretarju Parlamentari temm l-indirizz tiegħu billi faħħar lill-knisja għal ħidma li jwettqu għall-ġid tal-komunitajiet tagħna, lejn it-tfal, il-persuni b’diżabilità u anke lejn l-anzjani.  Dr Buontempo awgura kull suċċess f’din il-maratona u wiegħed l-appoġġ tal-Gvern f’dawn l-inizzjattivi.  

 

 






Leave a comment