Kyle Camilleri u Carmelo Borg rebbieħa tal-Kampjonati Nazzjonali Motocross

Wednesday, June 5, 2019, 10:33

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) tkompli bil-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2018/2019, bl-għaxar progamm tal-istaġun Autocross, fejn kollox jibda fl-għaxra ta’ filgħodu fil-Kumpless Sportiv f’Ta’ Qali.

Intant nhar il-Ħadd li għadda ngħalaq il-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2018/2019. Għal din l-attività Motocross bil-Bonus Points ħadu sehem 20 kompetitur maqsuma fit-tliet klassijiet. Din l-attività saret biex ingħata ċans lil dawk li marru inqas tajjeb fl-attivitajiet matul dan l-istaġun. Kull sewwieq għandu dritt ibiddel ir-riżultat miksub f’din l-attività ma’ dak li fl-opinjoni tiegħu huwa mar ħazin.

Fi Klassi A Bernard Sammut fuq mutur Beta rebaħ din l-attività segwit minn Mark Mamo fuq mutur Yamaha u Kyle Camilleri fuq mutur KTM.

Fi Klassi B Garry Debono fuq mutur KTM iddomina u rebaħ il-klassi segwit minn Krist Falzon fuq mutur Husqvarna u Daniel Caruana fuq mutur Honda.

Fil-Klassi tal-Veterani għal darba oħra Carmelo Borg fuq mutur Kawasaki iddomina u rebaħ il-klassi segwit minn Paul Deguara fuq mutur KTM u Anthony Grech fuq mutur Husqvarna.

L-ASMK ħabbret li l-Kampjonat Nazzjonali Motocross 2018/2019 sponsorjat mid-ditta Honda inrebaħ minn Kyle Camilleri fuq mutur KTM. Tul dan l-istaġun Camilleri rebaħ erba’ tigrijiet minn sitta filwaqt li fit-tnejn l-oħra spiċċa fit-tieni post u b’hekk għalaq l-istaġun b’294 punt segwit minn Mark Mamo fuq mutur Yamaha li għalaq l-istaġun b’256 punt.

Il-Kampjonat Nazzjonali Motocross Veterans 2018/2019 intrebaħ minn Carmelo Borg fuq Honda fejn matul dan l-istaġun irnexxilu jirbaħ kull tiġrija li saret u għalaq l-istaġun b’300 punt. Borg kien segwit minn Jethro Sant fuq mutur Yamaha li għalaq l-istaġun b’248 punt.

Il-Klassifika Motorcross Klassi B hija klassi li tilqa fija dawk li jibdew dan l-isport biex b’hekk l-Amminsitrazzjoni tkun tista ttella’ sewwieqa fil-Klassi A fil-istaġun li jkun imiss. Din il-klassi f’dan l-istaġun intrebħet minn Daniel Caruana fuq mutur Honda fejn tul dan l-istaġun kellu diversi rebħiet u spiċċa fuq nett tal-klassifika b’286 punt. Caruana kien segwit minn Garry Debono fuq mutur KTM li għalaq din il-klassi b’276 punt. L-Assoċjazzjoni tawgura lir-rebbieħa kollha kif ukoll tifrah lil Caruana u Debono li mill-istaġun li jmiss ser ikunu qed jieħu sehem fil-Kampjonat Nazzjonali Motocross 2019/2020 fi Klassi A.

L-ASMK tfakkar li nhar il-Ħamis 13 ta’ Ġunju 2019 ser issir il-laqgħa għal dawk interessati li jieħdu sehem fid-Demolition Derby tal-Vannijiet 2019. Il-laqgħa ser issir fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u tibda fit-tmienja ta’ filgħaxija. Biex wieħed jieħu sehem u jirreġistra irid ikollu 18-il sena u l-liċenzja tas-sewqan.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni li hu www.asmk.org.mt jew fil-paġni ta’ Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Ritratti ta Mario Micallef





Leave a comment