Kyle Camilleri jirbaħ fil-Motocross, Micallef u Farrugia jirbħu fl-Autocross

Wednesday, November 29, 2017, 9:42

Nhar il-Ħadd 26 ta’ Novembru l-Assoċjazzjoni ASMK organizzat it-tieni program mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018 kif ukoll l-istess ġurnata saret it-tieni tiġrija bil-karozzi Autocross mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. Għal din il-ġurnata rreġistraw 45 kompetitur. Il-ġurnata bdiet fl-10am b’quddiesa ċċelebrata min Fr Mark Mallia Poli fil-kumpless tal-Assoċjazzjoni fejn tfakkru dawk l-ex membri li qegħdin fil-ħajja ta dejjem.

Intant il-ġurnata bdiet bis-Sezzjoni Motocross fejn matul il-kwalifikazzjoni ta klassi A rajna lil Kyle Camilleri b’mutur KTM  jiddomina. Dan kien segwit minn Stefan Dimech fuq mutur Honda. Camilleri u Dimech kienu segwiti minn Paul Muscat fuq mutur KTM.

Matul il-kwalifikazzjoni ta klassi B fil-Motocross rajna lill James Zahra fuq mutur Sherco jiddomina u segwit minn Bernard Sammut fuq mutur Beta. Fil-kwalifikazzjoni tal-klassi Veterans rajna lill Jethro Sant fuq Yamaha jiddmina segwit minn William Sant fuq Honda.

Matul il-Heats tal-ġunrata fi Klassi A rajna lil aħwa Camilleri Kyle u Clayton it-tnejn fuq muturi KTM jirreġistraw rebħa kull wieħed. Clayton rebaħ l-ewwel Heat filwaqt li Kyle rebaħ l-ahhar Heat. B’hekk Kyle għalaq il-ġurnata fuq il-podium fl-ewwel post u irreġistra it-tieni rebħa f’dan l-istaġun. Kyle kien segwit minn ħuh Clayton li spiċċa l-ġurnata fit-tieni post. L-aħwa Camilleri kienu segwiti minn Stefan Dimech fuq Honda filwaqt li fir-raba’ post spiċċa David Dimech fuq Honda wkoll.

Fi Klassi B rajna lill James Zahra jkompli jiddomina l-ġurnata fejn irnexxielu jirreġistra żewġ rebħiet fiz-żewg Heats u irreġistra t-tieni rebħa tiegħu f’dan l-istaġun. Zahra kien segwit minn Brandon Slowe fuq Honda filwaqt li fit-tielet post spiċċa Arthur Micallef fuq KTM.

Fil-Klassi Veterans rajna lill Paul Deguara jiddomina u minkejja li ma rebaħx il-Heats kollha tal-ġurnata xorta waħda rrnexielu jirbaħ il-klassi, Deguara kien segwit minn William Sant fuq Honda filwaqt li fit-tielet post spiċċa Jethro Sant fuq Yamaha.

Fil-ġurnata saqu wkoll il-karozzi Autocross fejn 21 kompetitur maqsuma f’żewġ klassijiet li kkompetew fil-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti. Sfortunatament il-ġurnata kienet ikkaraterizzata minn aċċidenti ta’ xi karozzi li nqalbu. Minkejja li kienu inċidenti fejn il-karozzi ġarrbu ħsara konsiderevoli, grazzi għas-sigurta li l-Assoċjazzjoni tipprattika, l-ebda inċident ma kellu xi korriment. Minkejja dan l-Assoċjazzjoni xorta ħadet il-prekawzjonijiet kollha biex is-sewwieqa involuti kienu osservati min tim mediku li jkun fuq il-post.

Intant fil-Klassi Modified rajna lill Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 jirbaħ il-Heats kollha tal-ġurnata biex assigura postu fil-finali A. Miegħu kkwalifikaw Gordon Johnson fuq Opel Corsa, Ryan Scerri fuq Opel Corsa, Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo, Noel Zammit fuq Fiat Punto u Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova.

Għal Klassi B kwalifikaw Karl Micallef fuq Ford Fiesta, Keith Borg fuq Vauxhall Nova, Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta, Theo Micallef fuq Ford Fiesta, Richard Spiteri fuq Vauxhall Nova u Jonathan Camilleri fuq Opel Corsa. Mat-tluq ta din il-finali rajna lill Camilleri jagħmel ħrug tajjeb ħafna tant li sa’ l-ewwel kantuniera ħa t-tmun tat-tiġrija f’idejħ u kien segwit minn Scicluna u Theo Micallef. Sa l-ewwel ħames dawriet ma kellna l-ebda tibdil sakemm Camilleri kellu hsara fil-karozza mal-bidu tas-sitt dawra fejn Karl Micallef ħa t-tmun tal-finali. Izda wara li Micallef għadda min ma ġenb Camilleri inħoloq inċident bejn l-istess Camilleri u Theo Micallef bil-konsegwenza li dawn spiċċa jinqelbu bil-karozzi. It-tiġrija ġiet imwaqqfa bħala prekawzjoni. Ir-Rizultat finali spiċċa b’Karl Micallef jirbaħ din il-finali segwit minn Scicluna u Spiteri. Fir-raba post spiċċa Borg.

Għal Klassi Standard rajna il-linja ta li Start komposta minn Deane Farrugia fuq Citroen AX, Kyle Agius fuq Renualt 5, Joseph Spiteri fuq Opel Corsa, Nicovich Chircop u Quinn Camilleri it-tnejn fuq Peugeot 106 u Chris Formosa fuq Ford Fiesta. Mat-tluq ta din il-finali rajna lill Farrugia jieħu t-tmun tal-finali segwit minn Agius u Chircop. L-attenzzjoni daret fuq l-aħħar tnejn fejn Chircop beda jsib l-okkażjoni li jaqbeż lil Agius sakemm dan tal-aħħar infaqalu t-tyre ta’ quddiem u spiċċa inqaleb bil-karozza. Għal darb’oħra it-tiġrija kellha titwaqqaf. Intant, fir-riżultat finali Farrugia spiċċa rebaħ il-finali segwit minn Chircop. Camilleri daħal fit-tielet post waqt li Spiteri daħal fir-raba’ post.

Il-kumitat Amministrativ ħabbar li mhux ser ikompli bil-program minkejja li kien jonqos issir it-tiġrija finali ta klassi A. Din il-Finali ġiet posposta għall-ġurnata oħra li titħabbar fil-jiem li ġejjin. Intant, it-tielet attività Autocross se ssir nhar il-Ħadd 3 ta Dicembru u tibda f’nofsinhar.

Għal aktar informazzjoni idħlu fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni li hu www.asmk.org.mt jew fil-paġni ta’ Facebook A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Tistgħu tagħmlu kuntatt bl-email li hu info@asmk.org.mt

Rittrati ta’ Mario Micallef





Leave a comment