Kummissjoni L-Isport: Nifs ġdid għall-Port

Wednesday, June 12, 2013, 10:30

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Stefan Buontempo ħabbar Kummissjoni ġdida – Kummissjoni L-Isport: Nifs ġdid għall-Port, fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport li se jkollha l-inkarigu li tipproponi ideat u inizjattivi sportivi li jistgħu jsiru fiż-żona ta’ madwar il-Port il-Kbir.

L-ewwel xogħol ta’ din il-Kummissjoni se tkun it-tiġdid tar-regatta, tellieq tradizzjonali b’400 sena ta’ storja. Din it-tellieq tradizzjonali ħadet xejra nazzjonali madwar l-1894 meta l-Kunsill tal-Gvern iddeċieda issir l-isport nazzjonali u għalhekk bdiet tiġi organizzata mill-Kunsill tal-Gvern u llum mill-Gvern ta’ Malta.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li r-regatta tirrapreżenta parti mill-benniena kulturali u storika ta’ Malta, benniena li huwa magħruf għaliha l-Port il-Kbir, tirrapreżenta snajja tradizzjonali tal-bini taddgħajsa li sfortunatament din qegħda tmut. Huwa tenna li Malta kienet magħrufa għas-snajja marittima. Ir-regatta hija r-ruħ tal-Port il-Kbir u nnies tiegħu u għalhekk il-Gvern irid jagħti l-attenzjoni lir-regatta għax din hija parti mir-ruħ tagħna bħala poplu, parti minn dawk il-karatterisitiċi li jagħmluna Maltin.

Din il-Kummissjoni li twaqqafet għandha l-għan fost l-oħrajn, li ġġedded din it-tradizzjoni spontanja biex ma tintilifx mal-milja taż-żmien billi fost l-oħrajn, tiżdied il-parteċipazzjoni żgħażugħa anke f’forom differenti ta’ tlielaq.

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li se tiġi esplorata l-possibiltà li s-settur tal-yachts jkun inkluż f’din it-tiġrija biex jitqajjem interess anke mill-barranin fi tradizzjoni Maltija u anke se jiġi analizzat kif listudenti jistgħu jipparteċipaw f’dan l-avveniment.

Minħabba l-fatt li fadal ftit persuni li għandhom is-sengħa li jibnu d-dgħajjes, din il-Kummissjoni se tesplora kif jista’ jitqajjem interess permezz ta’ inizjattivi f’dan ir-rigward.

L-objettiv aħħari tal-Gvern hu li r-regatta tingħata nifs ġdid, tingħata xi ħaġa ġdida li tgħinha tkun attività ewlenija fil-kalendarju Malti. Dr Buontempo saħaq li permezz ta’ din l-attività sportiva rridu nagħtu nifs ġdid lill-Port; nifs ġdid mhux biss lid-dilettanti imma wkoll lil dawk iż-żgħażagħ tal-Port u anke lil hinn mill-Port.

Il-Membri tal-Kummissjoni se jkunu fuq bażi volontarja u ġejjin minn diversi setturi differenti. F’din il-konferenza stampa ġew ippreżentati l-premijiet lill-klabbs tar-regatta li ħadu sehem fit-tiġrija tal-31 ta’ Marzu.





Leave a comment