Kulur, Kreattività u l-Isport it-tema prinċipali tal-Agones SFC Carnival Fun Run fit-toroq ta’ Ħal-Għaxaq

Friday, February 28, 2020, 7:16

Varjetà ta’ kostumi u kulur żiedu mal-gost tat-tieni edizzjoni tal-Carnival Fun Run organizzata minn Agones SFC b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq. L-Avveniment kien miżmum nhar il-Ħadd 23 ta’Frar, u kien jikkonsisti minn ġirja ta’ 5 kilometri, mixja/ġirja ta’ 2.5km u girja ta’ kilometru għat-tfal.

Il-parteċipanti ġew imlibbsa bħala super eroj, cowboys, ballerini w mlibbsin b’parrokki kkuluriti.  Kien hemm familji lebsin l-istess tema, u naturalment ma setax jonqos is-suġġett tal-Corona Virus.  Ħaġa komuni kienet it-tbissima ud-daħk tal-folla li kienet mgħamula minn tlett mitt ruħ ta’ kull età u abilitajiet, li ferrħu t-toroq fil-qalba ta’ Ħal-Għaxaq.

L-avveniment ingħata bidu bil-ġirja ta’ 5 kilmetri segwita mid-distanzi qsar. Minkejja li din kienet fun run, xorta wieħed seta jara l-element ta’ kompetizzjoni minn dawk li qed jieħdu sehem, li kollha għamlu l-almu tagħhom biex jispoċċaw fl-iqsar ħin possibbli.

“Ninsabu sodisfatti immens bir-riżultat ta’dan l-avveniment. Bħala klabb sportiv li jospita varjetà ta’ tlielaq matul is-sena, dejjem nħeġġu l-ispirtu tal-kompetizzjoni u tat-tlielaq, iżda llum kien kollu dwar it-trawwim tal-ispirtu kreattiv u divertenti tal-Karnival – filwaqt li nappoġġjaw ukoll numru ta’ karitajiet permezz ta’ din l-inizjattiva,”spjega Warren Muscat, President, Agones SFC. “Aħna grati wkoll għas-sapport li tana l-Kunsill Lokali Għaxaq u l-komunità lokali.”

Fi tmiem l-avveniment ingħataw premijiet għall-aħjar kostumi Oriġinali, tal-Familja, Ekoloġiku, tal-Koppja u dak b’tema Tradizzjonali. Il-premijiet ġew ippreżentati mis-Sindku ta’ Ħal-Għaxaq Darren Abela, li kkonferma l-appoġġ miżjud tal-Kunsill Lokali tiegħu lejn it-tielet edizzjoni ta’ dan l-avveniment fl-2021.

Agones SFC ħabbret li parti mill-qligħ se jingħata bħala donazzjoni lill-Fondazzjoni Inspire – il-Fondazzjoni għall-Inklużjoni u l-Fondazzjoni Alive Charity, li qed tiġbor fondi għar-Riċerka dwar il-Kanċer u l-Għarfien tiegħu.

Informazzjoni dwar attivitajiet organizzati minn Agones SFC jinsab fuq is-sit elettroniku www.agones-sfc.eu u l-paġna tal-Facebook tagħhom.

 





Leave a comment