Koperazzjoni sħiħa bejn il-Partit Nazzjonalista u l- Għaqda Ġurnalisti Sports

Wednesday, August 23, 2017, 16:50

L-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kellu laqgħa formali mal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport David Agius u mad-Deputat Robert Arrigo.

David Agius tenna li f’ħafna deċiżjonijiet u proposti tal-Gvern li tressqu fl-aħħar leġislatura, l-Oppożizzjoni dejjem ikkoperat mal-Gvern u offriet l-għajnuna sabiex jittieħdu diversi deċiżjonijiet u anke tat kontribut ewlieni fit-Task Force li kienet twaqqfet mill-MFA fis-sena 2015 li waslet sabiex tkun miktuba liġi ġdida dwar il-korruzzjoni fl-isport.

David Agius tkellem dwar kif l-isport hawn Malta jista’ jitla fil-livell li jmiss, jiġifieri li l-isport u l-isportivi jiġu aktar rikonoxxuti u l-isport isir pilastru ieħor tal-ekonomija Maltija.

David Agius, filwaqt li faħħar is-serata ta’ premjazzjoni ta’ Sport Malta Awards – Għazliet Sportivi Nazzjonali, issuġġerixa sabiex jibdew jingħataw awards ukoll fl-istess serata li min ikun protagonist fil-Valuri Sportivi, f’atti ta’ Fair Play lil xi persuna jew persuni li bl-atteġġjament tagħhom, ikunu għamlu ġid lis-settur sportiv. Huwa ppropona wkoll li għandu jinfetaħ Mużew Nazzjonali għall-Isport Malti li jkun jinkludi fih memborabilia sportiva ta’ eċċellenza. Dawn iż-żewġ proposti ntlaqgħu tajjeb mill-Għaqda Ġurnalisti Sports.

David Agius awgura kull suċċess lill-eżekuttiv il-ġdid tal-GħĠS u awgura li l-President il-ġdid Sandro Micallef jimxi fuq il-passi tal-Presidenti predeċessuri tiegħu Fr Hilary Tagliaferro, Henry Calleja u Charles Camenzuli li kollha ħadmu sabiex l-Għaqda tisaħħaħ tul is-snin.

Sandro Micallef ħeġġeġ lill-Partit Nazzjonalista sabiex fil-programm elettorali tiegħu fil-futur iwiegħed Ministeru totalment dedikat lill-Isport. Hu ħeġġeġ lill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista sabiex ikun hemm qbil ma’ partit politiċi oħra biex tiżdied l-għajnuna lill-assoċjazzjonijiet sportivi billi fost l-oħrajn kull assoċjazzjoni jkollha ħaddiem miċ-ċivil assenjat magħha bir-rwol ta’ amministratur bl-isforz aħħari jkun il-professjonalità.

Fil-laqgħa ġew diskussi diversi materji oħra fosthom ir-rwol tal-Għaqda Ġurnalisti Sports bħala entità li tista’ timbotta sabiex l-isport jitla’ aktar ‘il quddiem fuq l-aġenda tal-pajjiż.

Jakkumpanjaw lil David Agius u lil Robert Arrigo kien hemm diversi membri ta’ TimSport PN.





Leave a comment