Kontrattakk reveals more news during the weekly “X’Qed Jinħema?!”

Sunday, January 16, 2011, 23:15

by Sandro Micallef.

Paul Zammit aktar minn qabel irid żewġ players ġodda

 Wara t-telfa tal-bieraħ kontra Marsaxlokk, il-kowċ Paul Zammit qiegħed jagħmel iktar pressjoni f’dawn is-sigħat lill-amministrazzjoni ta’ Birkirkara dwar l-ingaġġ ta’ żewġ players biex jiżdiedu fl-iskwadra tiegħu sa tmiem tal-istaġun. Zammit hu mħasseb ħafna iktar dwar il-qagħda prekarja bħalissa ta’ Birkirkara fejn hemm diversi players regolari neqsin. Jiġri, li f’ċirkostanzi bħal logħba tal-bieraħ fejn kien hemm Cilia għadu jirkupra minn injury u b’żewġ players sospiżi l-iskwadra hija ridotta ħafna. L-urġenza issa hija fattwali u lbieraħ f’intervista wara l-logħba diretta fuq Malta Stars Paul Zammit ikkonferma li issa ż-żewġ players li se jġibu Birkirkara huma wieħed barrani u l-ieħor Malti u mhux żewġ barranin.

Andrei Agius kważi fatta ma’ Triestina

Jidher li kollox hu lest sabiex l-Internazzjonali Malti Andrei Agius jiffirma ma’ Triestina. Agius li llum kien involut f’partita oħra ma’ Melfi away kontra Fondi, jinsab fl-aħħar taħdidiet sabiex jiffirma l-kuntratt ma’ dan it-team tas-Serie B fl-Italja. Jonqos biss ħaġa waħda li taf tkun ostaklu żgħir għal Agius. Filfatt fis-Serie B hemm regola tal-Lega Taljana li fil-lista tal-players reġistrati ma’ Club irid ikun hemm 19-il player  taħt il-25 sena u allura Triestina jinsabu fi trattattivi sabiex jirrilaxxaw player ieħor u b’hekk Agius jidħol fir-Rosa ta’ Triestina. Hu mistenni li d-difensur Malti jiffirma kuntratt ta’ żewġ staġuni u nofs jiġifieri sa Mejju tas-sena 2013.

Zoran Levnaic iħalli lil Hibs

Aħbar mhux mistennija fis-suq tat-trasferimenti lokali hekk kif il-player Serb ta’ Hibernians Zoran Levnaic se jħalli pajjiżna u se jingħaqad ma’ team fil-Kuwait bl-isem ta’ Al Salmiya fejn Levnaic mistenni jilgħab magħhom żgur sal-31 ta’ Mejju li ġej. Jidher, li minkejja li l-player (li lagħab f’Malta fil-passat ma’ Floriana u Msida St.Joseph,) kien kuntent ħafna ma’ Hibernians, hemm ftehim li jekk il-player jiġi lura Malta jilgħab mat-team ta’ Raħal Ġdid. L-istorja tat-trasferiment ta’ Zoran Levnaic waslet hekk kif il-Club mill-Kuwait kiteb uffiċjalment lill-Club Malti fejn Hibernians mill-ewwel iddiskutew mal-player u laħqu ftehim mal-player biex ma jtelfulux din l-opportunita’. Il-kuntratt ġie ffirmat ilbieraħ u baqa’ biss li l-player jistenna li tinħariglu l-clearance tal-Visa sabiex ikun jista’ jilgħab f’dan il-pajjiż. Il-kuntratt ma’ Al Salmiya huwa sal-31 ta’ Mejju sa nofs il-kampjonat tagħhom u jekk il-player jirritorna Malta, Hibs ghandhom id-dritt li jiffirmawh magħhom.  Al Salmiya SC huwa club mill-kapitali Kuwaiti City, jilgħab fil-Kuwaiti Premier League u fl-AFC Champions League (Asia Champions League)

Barbara japplika għal “Amateur status

Aħbar oħra kurjuża hekk kif jidher li Etienne Barbara il-player li suppost għandu jiffirma dalwaqt ma’ Floriana applika sabiex jaqleb l-istatus tiegħu mal-MFA minn professional għal Amateur. Dan il-player qed jagħmlu sabiex ikun jista’ eventwalment jiċċaqlaq anke barra minn Malta f’nofs l-avventura tiegħu ma’ Floriana.

Għada jasal Camillo

Għada l-Biżu jasallu r-rigal tal-Milied tiegħu. Iva għada Eduardo Biżu do Nascimento li qed iġib f’Malta ħafna players Brażiljani biex jilagħbu f’pajjiżna se  jasallu daqxejn tard ir-rigal tal-festi hekk kif jasal f’pajjiżna Camillo Sanvezzo da Silva l-ex player Brażiljan li lagħab ma’ Qormi fil-kampjonat Malti. Il-Biżu se jġib lil dan il-player sabiex jinnegozjalu pakkett ma’ Club Malti iżda l-ftehim li se jintlaħaq se jkun biss sa tmien l-istaġun minħabba l-fatt li l-player jixtieq ikompli l-karriera tiegħu f’kampjonat iktar ta’ livell. Fost il-Clubs li se jiltaqgħu magħhom il-Biżu u Camillo hemm żgur Birkirkara.





1 Comment

  1. Kevin says:

    “Andrei Agius kwazi fatta ma’ Triestina”… fil-fatt mar ma’ Birkirkara.

    [Reply]

Leave a comment