Konfermata t-tmexxija tal-Federazzjoni Maltija għall-Motorsport

Wednesday, November 29, 2017, 14:28

Il-Federazzjoni Maltija għall-Motorsport organizzat il-laqgħa ġenerali annwali tagħha t-Tlieta 28 ta’ Novembru 2017 f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan.

Fl-indirzz tiegħu l-President tal-Federazzjoni, is-Sur Tonio Cini filwaqt li ta rendikont tal-ħidma bla waqfien fuq diversi proġetti mal-klabbs affiljati, saħaq ma’ dawk kollha preżenti sabiex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-istruzzjonijiet rigward is-sigurtà fil-motorsport. Il-federazzjoni qiegħda tgħaddi ħafna informazzjoni u opportunitajiet lill-klabbs affilijati magħha kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, dan anke fir-rigward tar-responsabilitajiet legali tal-organizzaturi.

F’din il-laqgħa ġenerali annwali Tonio Cini u Jonathan Bruno ġew konfermati fil-pożizzjoni ta’ President u Viċi Segretarju rispettivament filwaqt illi Pierre Sammut reġa’ ġie konfermat fil-pożizzjoni ta’ Tezorier. Għal President Tonio Cini dan ser ikun ir-raba’ terminu tiegħu wara li diġa okkupa tliet termini ta’ tliet snin-il wieħed. Għal Jonathan Bruno dan ser ikun it-tieni terminu filwaqt li Pierre Sammut reġa rritorna f’din il-pożizzjoni wara nuqqas ta’ erba’ snin.

Wara din il-laqgħa ġenerali annwali l-amministrazzjoni tal-federazzjoni hija komposta minn Tonio Cini President, William England Viċi-President, Oliver Attard Segretarju, Jonathan Bruno Viċi-Segretarju u Pierre Sammut Teżorier.





Leave a comment