Konfermata l-kwota ta’ erba’ FIFA referis, post ieħor fil-futsal

Friday, December 7, 2018, 9:25

In-numru ta’ uffiċjali tal-logħba fuq il-panel tal-FIFA għas-sena 2019 żdied hekk kif il-FIFA ħabbret il-listi uffiċjali.

Alan Mario Sant, referi tal-FIFA sa mill-2010, issa għandu l-ogħla ranking fost ir-referis Maltin. It-tliet referis internazzjonali l-oħra għas-sena 2019 huma Trustin Farrugia Cann, Fyodor Zammit u Matthew Degabriele, b’dan tal-aħħar ikun nominat għall-ewwel darba.

It-tmien assistenti referis kollha kkonfermaw posthom, fosthom Alan Camilleri, li ilu fuq il-lista internazzjonali mill-2002, Christopher Francalanza, Luke Portelli, Mitchell Scerri, Edward Spiteri, Jurgen Spiteri, Duncan Sultana u Roberto Vella.

Fil-futsal, Clint Cassar se jkun qiegħed jirritorna fix-xena internazzjonali flimkien mad-debuttant David Balzan li kiseb it-tieni post għal Malta.

Jonathan Mallia kkonferma postu fuq il-lista tal-beach soccer filwaqt li Pierre Bonnici se jkun qed jagħmel id-debutt tiegħu fix-xena globali.

Kevin Azzopardi, id-Direttur tar-Referis fi ħdan il-Malta Football Association, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li kemm il-FIFA kif ukoll il-UEFA qegħdin jirrikonoxxu x-xogħol u l-istandards tal-uffiċjali Maltin.

“Dan huwa riżultat tal-impenn kbir li l-uffiċjali tagħna juru kemm lokalment kif ukoll fuq skala internazzjonali,” qal Azzopardi.

“Meta wieħed jikkunsidra li fil-futbol, f’termini ta’ ammonti ta’ uffiċjali, Malta tikklasifika fit-30 post minn 55 pajjiż membru fi ħdan il-UEFA, din il-kwota hija riflessjoni ferm pożittiva tal-livell tar-refereeing f’Malta.

“Bla dubju, dan hu xhieda tax-xogħol tas-settur tar-refereeing kollu hi ħdan l-MFA.”

 

IL-LISTA TAL-UFFIĊJALI MALTIN FUQ IL-FIFA PANEL

REFERIS

Matthew Degabriele, Trustin Farrugia Cann, Alan Mario Sant, Fyodor Zammit.

ASSISTENTI REFERIS

Alan Camilleri, Christopher Francalanza, Luke Portelli, Mitchell Scerri, Edward Spiteri, Jurgen Spiteri, Duncan Sultana, Roberto Vella.

REFERIS – FUTSAL

Clinton Mario Cassar, David Balzan.

REFERIS – BEACH SOCCER

Pierre Bonnici, Jonathan Mallia.





Leave a comment