- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Kompetizzjoni Internzzjonali li ser tkun l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tal-BMX li ser issir f’pajjiżna

Posted By Sportinmalta On November 28, 2014 @ 12:24 pm In Featured,Other | No Comments

Bejn il-5 u t-8 ta’ Diċembru ser isir f’Malta l-BMX fest – Xmas Edition li ser tkun l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tal-BMX li ser issir f’pajjiżna. Dan l-avveniment ser isir fl-Indoor Skate Park f’Pembroke li kien uffiċjalment miftuħ f’Marzu.

Dettalji dwar din il-kompetizzjoni ingħataw minn Carl Naja, li huwa l-kordinatur tal-avveniment li ser jattendu għalih sitt sewwieqa tal-BMX barranin li għalihom dan l-isport huwa professjoni. Dawn ser jikkompetu kontra xulxin f’kategorija waħda, però fil-kategoriji l-oħra ser jieħdu sehem madwar 150 sewwieq tal-BMX u skateboard Malti. Dan għaliex din mhux biss kompetizzjoni tal-BMX imma ser tinkorpora fiha wkoll kompetizzjonijiet tal-iskateboarding tul l-erbat ijiem tal-BMX fest.

Indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-Assoċjazzjoni tal-BMX John Zammit li qal li dan huwa unur għall-assoċjazzjoni, fejn fi ftit aktar minn sena minn mindu ngħataw faċilitajiet ġodda, qed jorganizzaw avveniment internazzjonali. Huwa spjega kif qed isir xogħol, li jinsab fi stadju avvanzat, fuq in-naħa ta’ wara tal-faċilità li ser tinkorpora fiha korsa li tista tilqa’ sewwieqa ta’ 4/5 snin. Dan qed isir għaliex anke l-assoċjazzjoni tal-BMX tara l-importanza li tinvesti fil-grassroots.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius kien preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, fejn faħħar l-impenn tal-assoċjazzjoni li qed tgħaraf tuża l-faċilità bl-aħjar mod possibli. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-assoċjazzjonijiet diversi jattiraw aktar atleti barranin lejn pajjiżna. Huwa spjega kif dan mhux biss ikun qed jgħin lit-turiżmu sportiv imma qed ikabbar l-esperjenza tal-atleti Maltin.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/kompetizzjoni-internzzjonali-li-ser-tkun-l-ewwel-kompetizzjoni-internazzjonali-tal-bmx-li-ser-issir-fpajjizna/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.