Kollox lest għat-Tazza tal-President

Thursday, December 5, 2013, 10:21

It-Tazza tal-President hija tazza prestiġjuza li kull sid tat-trott jaspira li jnaqqax ismu fuqha. Barra minn hekk dan l-avveniment annwali iġorr miegħu għan filantropiku – dik li jinġabru fondi u tingħata donazzjoni għal-Community Chest Fund. Filfatt din it-tiġrija taqa taħt il-Patronċinju ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-Avukat Gorg Abela – President ta’ Malta u ser ikun hu stess li jippremja lir-rebbieħa f’Jum ir-Repubblika.

L-Edizzjoni ta’ din is-sena ser tkun it-tlettax il-waħda minn mindu ġiet maħluqa fis-Sajf ta’ l-1992.

Din kienet appuntament annwali fis-sitt staġuni ta’ wara fejn għal xi raġuni waqfet milli ssir u saret biss edizzjoni oħra fl-2004. Fl-2010 il-Kunsill tal-Malta Racing Club iddeċieda li jerġa jqajjem din it-tiġrija u ħa d-deċizjoni li tibda ssir fil-ġurnata ta’ Jum ir-Repubblika ad unur il-President ta’ Malta. Sentejn ilu id-distanza ta’ din it-tiġrija saret 2640m u l-aħjar ħin irreġistrat fil-finali fuq din id-distanza s’issa hu dak ta’ 1’15”7 għalkemm ir-rekord nazzjonali fuq 2640m huwa ta’ 1’13”6.

Kif ġara fl-aħħar zewġ edizzjonijiet din it-tiġrija qed tiġi sponsorjata minn grupp ta’ importaturi li għandhom rabta mill-qrib mat-tiġrijiet taz-zwiemel peress li jimpurtaw prodotti li għandhom x’jaqsmu ma’ dan l-isport.

Il-Kunsill tal-Malta Racing Club ħa ħsieb ukoll li bħas-soltu jipprepara programm varjat għal dakinhar u bħas-sena l-oħra qed tingħata mportanza lejn il-parteċipazzjoni tat-tfal li jattendu l-akkademja tat-tiġrijiet. Din is-sena kmieni fil-programm ser issir tiġrija tat-trott għall-ponijiet shetland fejn it-tifel jew tifla rebbieħa ser jingħata trofew ugwali għal dawk li ser jingħataw ir-rebbieħa tat-Tazza tal-President u ser tiġi wkoll pprezentata lilhom mill-Eċċellenza Tiegħu.

It-tfal kollha ta’ l-Akkademja ser ikunu prezenti waqt li l-ġerrejja taz-zwiemel finalisti jiġu pprezentati lil-pubbliku fejn uħud minnhom ser ikunu qegħdin iwasslu lill-istess ġerrejja bix-xrieret misjuqa minn ponijiet zgħar.

Għall-okkazzjoni ġew ukoll mistiedna l-iscouts tal-Marsa sabiex jallegraw lill-pubbliku b’innijiet ferrieħa filwaqt li mal-wasla tal-President ta’ Malta, l-kantant rinomat Lawrence Gray ser ikanta l-Innu Malti. Mistiedna oħra speċjali ser tkun Veronica Rotin li għadha kemm kienet finalista f’Io Canto fuq Canale 5. Hekk kif jitħabbar ir-rebbieħ, din it-tifla brava ser tkanta diska relatata ma l-okkazjoni.

Ir-rebbieħ tat-Tazza tal-President, apparti li jirċievi t-trofew prestiġjuz xogħol l-artist George Muscat, jingħata tazza li tinzamm għal kollox u għata kommemorattiva. Il-premjijet għal din il-finali jammontaw għal €3950 bir-rebbieħ jieħu €2200.

Il-finalisti din is-sena ser ikunu ħdax wara li ziemel wieħed ġie rtirat wara li kkwalifika. Fost dawn il-ħdax insibu tlieta li diġa pparteċipaw fit-Tazza tal-President – Arnie Sensation li spiċċa t-tielet fl-2011 u r-raba’ fl-2010, Shakira Trot li spiċċat ir-raba’ s-sena l-oħra u True Q li kien ħa sehem fl-2011.

Bħas-sena l-oħra huma s-sidien stess li ser jagħzlu n-numru li bih iz-zwiemel tagħhom ser jitilqu wara l-karozza dejjem skond il-ħin u l-prestazzjoni li kellhom waqt it-tiġrijiet ta’ kwalifika.

Iz-zwiemel finalisti bil-ġerrejja probabli għal din is-sena:

1. Shakira Trot (Clifferty Calleja)

2. True Q. (Shawn Portelli)

3. Cloria Victis (Darren Mizzi)

4. Poppes Fighter (Michael Ellul)

5. The Bad Rock (Rodney Gatt)

6. Veikko Hornline (Carl Caruana)

7. Rocky Composite (Julian Farrugia)

8. Arnie Sensation (Carmelo Farrugia)

9. Gently di Poggio (Brian Zammit)

10. Midnight Passion (Eric Bezzina)

11. Zalgado Transs R (Noel Baldacchino)

 

Lista tar-Rebbieħa Preċedenti tat-Tazza tal-President:

Sajf 1992 Zito Bob (Tony Tanti)

1992/1993 Sanit (Charles Clifton)

1993/1994 Alto Be (Frencu Cassar)

1994/1995 Major Bill (John Briffa)

1995/1996 Huggie Hanover (Raymond Clifton)

1996/1997 Huggie Hanover (Raymond Clifton)

1997/1998 Captain Trackline (Joseph Scicluna)

1998/1999 Bambin d’Orleans (Philip Giordmaina)

2004 Huit Mars (Michael Seychell)

2010 Lucas Ness (Mario Farrugia)

2011 Livi Cantona (Charles Camilleri)

2012 Mont Cenis Honey (Noel Baldacchino)





Leave a comment