Kollox lest għal staġun ieħor ta’ basketball

Wednesday, September 24, 2014, 14:00

Minn Colin Schembri

Fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla jitla’ s-siparju fuq l-istaġun tal-basketball 2014-205 bl-ewwel kompetizzjoni tkun kif hija t-tradizzjoni f’dawn l-aħħar snin il-pre-season tournament. Għal dan l-istaġun, din il-kompetizzjoni ġiet imsejħa 50th Anniversary Cup hekk kif l-MBA qiegħda tiċċelebra l-ħamsin anniversarju tagħha.

Kien sajf stupend għall-basketball lokali fejn waslu xejn anqas minn ħames midalji f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali tal-FIBA kif ukoll il-preżenza għal darb’oħra ta’ Maurizio Mondoni għal mini-basket camp. Issa l-attenzjoni ddur għax-xena lokali fejn għal darb’oħra mistenni li jkollna staġun kumbattut.

Fil-basketball tal-irġiel, ic-champions A to Z Electronics Athleta jridu jiddefendu l-ħames unuri li rebħu l-istaġun li għadda għal darb’oħra taħt it-tmexxija ta’ Joe Galea. Huma tilfu lil David Bugeja u Shawn Pace però kienu ferm attivi u akkwistaw lil Roderick Vella, Isaac Tanti u Andrew Aquilina mingħand Depiro u kkonfermaw ukoll lill-Kanadiż Chad Patus. Bupa Luxol li l-istaġun li għadda spiċċaw fit-tieni post ukoll kellhom xi tibdil fl-iskwadra tagħhom hekk kif akkwistaw lil Alan Borg u Abraham Portelli li fil-passat diġa kienu taħt il-gwida ta’ John Tabone. Luxol habbru wkoll li se jkollhom Amerikan ġdid Orlando Routledge.  Team ieħor li kien ferm attiv fis-suq tat-trasferimenti kien Floriana Cafe del Mar li wara li tilfu lil Peter Shoults u David Camilleri ħadu magħhom lil Lee Ross, Nigel Sultana, Marco Mercieca u Nikola Vasovic u kkonfermaw lil Ġermaniż Christoph Stolp bħala coach tagħhom. Huma ħabbru wkoll l-akkwist ta’ Jules Montgomery, minn Los Angeles California bħala l-Amerikan tagħhom. Pavi Depiro kellhom rivoluzzjoni sħiħa hekk kif flimkien mal-akkwist tas-Serb Marko Todorovic se jippreżentaw skwadra żagħżugħa bil-maġġoranza tal-players mit-team li l-istaġun li għadda rebaħ il-kampjonat ta’ taħt id-19 –il sena u se jkunu mmexxija minn Gabriele Alesse. Karl Borg kien ikkonfermat bħala l-coach ta’ Remax Siġġiewi Citadel li akkwistaw lil Adrian Micallef kif ukoll żewġ żagħżagħ ferm promettenti – Ryan Carabott u Benoit Bartolo. Huma tilfu lil Alan Borg u Lee Ross fil-waqt li mhux se nerġgħu naraw lil Ivo Hoeger hekk kif huma rreġistraw lil player Amerikan Kent Tribett. Team ġdid li se jkollna dan l-istaġun huwa dak ta’ Virtus Basket grazzi għal ftehim ma’ Starlites. Virtus żammew uħud mill-players ta’ Starlites però magħhom żdiedu David Bugeja, Shawn Pace, Peter Shoults, Anton Axiaq u l-Amerikan Nathan Walkup. Virtus se jkunu taht it-tmexxija tal-coach Paul Ferrante.

Fil-basketball tan-nisa se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’

Siarre Evans - Depiro

ħames timijiet hekk kif Starlites dan l-istaġun mhux se jieħdu sehem. Ic-champions Caffè Luxol akkwistaw lil Joselle Cardona ex-Hibs fil-waqt li Beverlee Zammit se terġa’ lura mac-champions wara staġuni b’self ma’ Pavi Depiro u lil Samantha Tabone. L-Amerikana Lakeitha Alston se tieħu post Patricia Bright fit-team ta’ Luxol. Honey Athleta mistennija jkomplu fuq it-tajjeb tal-istaġun li għadda li wassalhom sal-finali tal-kampjonat hekk kif huma ssaħħew bl-akkwist ta’ Lindsey Pirotta ex-Starlites. Pavi Depiro se jkollhom lil Amerikana Siarre Evans flimkien mad-duo Finlandiż Heidi Mannila u  Milla Kopra fil-waqt li mis-suq lokali akkwistaw lil Claire Ciantar. Hibs minn naħa tagħhom akkwistaw lil Christina Grima li m’ghandha bżonn tal-ebda ntroduzzjoni. Insibu wkoll lit-team ta’ DHL Phoenix li l-esperjenza tal-istaġun li għadda żgur li se tkun ta’ għajnuna dan l-istaġun.

L-istaġun tat-tieni diviżjoni tal-irġiel se jibda iktar tard hekk kif fit-tmintax ta’ Ottubru jintlagħbu l-ewwel żewġ partiti mis-St. James Hospital Shield. Ic-champions Saint Nicholas Suns se jsibu oppożizzjoni aktar iebsa dan l-istaġun hekk kif kemm Hibs kif ukoll Mellieħa Mr. Green isaħħew matul is-sajf. Hibs akkwistaw lil David Camilleri player b’esperjenza kbira kif ukoll lil Carles Teixido li rebaħ ir-Red Bull challenge aktar kmieni din is-sena. Huma tilfu lil Kurt Cassar iżda hija  telfa ta’ prestiġju hekk kif Cassar inagħqad ma’ Stella Azzurra tal-Italja wara li lagħab f’diversi kategoriji mat-team ta’ Raħal Ġdid. Mellieħa wkoll issudaw hekk kif ikkonfermaw lil Rihards Polis flimkien ma’ Emanuel Lupo u Robert Loporto. Interessanti għandha tkun il-parteċipazzjoni ta’ Athleta u Starlites li se jippreżentaw żewġ teams żagħżagħ li s-sena li għaddiet kienu protagonisti fil-kampjonat ta’ taħt is-sittax –il sena.

Għal dab’oħra dan is-sit se jwasslilkhom ir-rapporti tal-partiti kollha ta’ dawn it-tlett kategoriji u aktar informazzjoni. Il-programm televiżiv Three Pointer għal darb’oħra se jixxandar fuq TVM 2 u TVM 2 HD. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit tal-MBA www.mba.org.mt jew mill-paġna ta’ Facebook: https://www.facebook.com/pages/Malta-Basketball-Association





Leave a comment