Kollox għall-ħames partita

Friday, May 17, 2019, 17:18

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni – FINALI

minn Colin Schembri

Starlites GIG 67

Gżira Athleta 76

(20-19)(16-20)(17-13)(14-24)

Fil-partita bl-akbar distakk s’issa fis-serje finali, Gżira Athleta għelbu lil Starlites GIG 76-67 biex sfurzaw il-ħames u l-aħħar partita biex jiġi deċiż ir-rebbieħ tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni għal dan l-istaġun. Athleta rkupraw lil Nicolo Guida u Julian Wait mill-aħħar partita u Starlites kellhom nieqes lil Luca Vella. Fl-ewwel ħinijiet kienu Athleta li fetħu vantaġġ permezz ta’ Nathan Xuereb, Wait u Stefan Vincic. Starlites kellhom il-punti minn Mirco Azzopardi u trippli minn Nenad Stojanovski u Miguel Falzon biex marru fuq quddiem 13-12. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin biex id-distakk baqa’ ta’ punt fi tmiem l-ewwel sessjoni bi Starlites fuq quddiem 20-19. Fit-tieni perjodu Athleta fetħu b’run ta’ 10-2 fosthom trippla ta’ Matthew Gouder flimkien ma’ Luca Stefanovic. Starlites irkupraw u kienu huma li wieġbu bi break ta’ 9-2 biex għamlu l-iskor indaqs 31-31. Ħames punti ta’ Gouder bi trippla reġgħu poġġew lill-Athleta fuq quddiem qabel ma Owen Psaila ġab tlett punti lura però baskets ta’ Gouder u Francesco Mifsud Bonnici raw lill-Athleta jidħlu jistrieħu 39-36 minn fuq.

Wara l-intervall, Athleta kabbru l-vantaġġ bi trippla ta’ Xuereb però Starlites ġew lura u punti minn Falzon, Matthew Scerri u trippla ta’ Isaac Pace poġġewhom minn fuq 45-42. Athleta reġgħu irkupraw b’run ta’ 10-2 però Starlites għamlu l-aħħar tlett baskets tat-taqima biex reġgħu ħadu l-vantaġġ 53-52. Fl-aħħar sessjoni reġa’ kien hemm mument bilanċjat bil-baskets jaslu b’mod regolari u l-vantaġġ jibdel l-idejn għal diversi drabi. Athleta però kellhom run deċisiva lejn it-tmiem b’żewġ trippli ta’ Gouder li rawhom jiftħu vantaġġ ta’ disa’ punti. Starlites ppruvaw jerġgħu jirkupraw bi trippla ta’ Scerri però waslu biss sa’ 5 punti ‘l bogħod u hekk kif Athleta għamlu l-aħħar free-throws huma rebħu l-partita 76-67.

Starlites GIG: O. Psaila 3, M. Azzopardi 10, I. Felice Pace 9, M. Fabri, I. Pace 5, M. Scerri 11, M. Falzon 13, L. Riolo, A. Xuereb, M. Vella, N. Stojanovski 16.

 

Gżira Athleta: C. Schembri, F. Mifsud Bonnici 4, J. Wait 2, D. Buhagiar, L. Stefanovic 11, S. Galea, N. Xuereb 18, M. Gouder 27, N. Guida 11, S. Vincic 3, J. Ransley, R. Abela.

Referees: Bernard Vassallo, Christine Xuereb, Zvezdan Dobrosaviljevic

Il-ħames u l-aħħar finali se ssir It-Tlieta 21 ta’ Mejju fit-20:00.





Leave a comment